Residenti ta’ Triq is-Sirk, fis-Swieqi, dalgħodu stenbħu għal xena li forsi tidher mhux tas-soltu għal ħafna, imma komuni f’dawn l-inħawi; żagħżugħ mixħut rieqed fuq il-bankina.
Ftit passi bogħod, żagħżugħ li stenbaħ fl-inħawi ta’ Paceville neħħa dak kollu li kien xorob mal-lejl f’parapett tan-nies, mal-faċċata tad-dar tagħhom.
Sfortunatament ir-residenti tas-Swieqi f’dawn il-ġranet tas-Sajf ikollhom jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ storbju, ħsara, vandaliżmu u ħmieġ ikkawżati minn studenti u turisti li jqattgħu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu jixorbu u jiddevertu f’Paceville imma jikkawżaw kull tip ta’ inkonvenjent fi triqithom lura lejn ir-residenzi li jakkomodawhom.
Attentati mill-Kunsill Lokali biex tissolva s-sitwazzjoni
Fl-aħħar jiem il-Kunsill Lokali tas-Swieqi ltaqa’ bl-għan li jitnaqqas l-inkonvenjent u tittieħed azzjoni kontra dawk li jiksru l-liġi.
Il-ħidma tal-Kunsill wasslet biex issa l-għassa tal-lokal se jibda jkollha tliet uffiċjali stazzjonatibl-għan li meta uffiċjal joħroġ fuq ronda, l-għassa ma tingħalaqx. Filgħaxija l-ammont ta’ uffiċjali żdied minn wieħed għal tnejn bid-Deputat Kummissarju jwiegħed li jżid l-ammont meta possibbli.
Il-Pulizija se jibdew jikkoperaw iktar mar-residenti li għandhom kameras tas-sigurta’ biex jinqabdu persuni li jkunu ta’ inkonvenjent jew iwettqu atti ta’ vandaliżmu. minn naħa tiegħu l-Kunsill Lokali se jiddiskuti l-possibilta’ li jixtri kameras tas-sigurta’ u jiżdiedu t-tabelli biex jinqabdu persuni li jiksru r-regoli tat-traffiku jew jarmu l-iskart meta mhux suppost.
Il-Kunsill Lokali wiegħed li se jkompli jippersisti biex il-madliena taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-għassa fis-Swieqi, u mhux tan-Naxxar.
Residenti urtati għaliex ġew injorati mill-Prim Ministru
Fl-istess waqt ir-residenti bagħtu sensiela ta’ ittri lill-Prim Ministru li madankollu ġew injorati u baqgħu bla risposta sodisfaċenti.
“Bagħtna erba’ ittri lill-Onorevoli Prim Ministru, fejn ġew ikkupjati l-Kunsill Lokali, il-Pulizija u l-midja, imma dawn ma pproduċew xejn ħlief ir-risposti cliche tas-soltu li jbaqbqulek demmek iżjed minn qatt qabel,” kiteb wieħed mir-residenti.
F’post fuq Facebook, l-istess residenti kiteb hekk: “Qridna, gergirna, ktibna, ċempilna u lmentajna. Ħadna ġaċenzja, stennejna għal soluzzjonijiet imma ħadna biss wegħdiet fiergħa,” filwaqt li sejjaħ lir-residenti biex jieħdu azzjoni u lkoll flimkien jingħaqdu bħala grupp wieħed u jmorru l-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Żibel li nħaraq matul il-lejl fil-parapett ta’ residenza privata
Toroq miksija żibel
Ħsarat fuq vetturi privati
//= $special ?>