Internazzjonali

Aktarx it-terrorista ta’ Sousse tħarreġ fil-Libja

Skont rapporti fil-media Ingliża, Seifeddine Rezgui, it-terrorist Tuneżin ta’ 23 sena li wettaq massakru ta’ turisti f’Sousse, f’Marzu kien mar il-Libja biex jingħata taħriġ mill-ISIS.
Hemm suspetti wkoll li l-arma li uża wkoll iddaħħlet fil-pajjiż mil-Libja. Il-Prim Ministru Tuneżin Habib Essid diġà kien lissen is-suspett li seta’ kien hemm xi rabta mal-Libja.
Sadattant nies li salvaw mill-massakru ta’ nhar il-Ġimgħa f’Sousse qed isostnu li Rezgui kellu kompliċi miegħu għaliex ir-raġel li sparalhom ma kien jixbah xejn lil Rezgui u anki l-arma li ntużat kienet differenti. S’issa l-awtoritajiet Tuneżini qed jgħidu li hu kellu għajnuna biex iwettaq l-attakk imma ebda kompliċi miegħu meta wettaq il-massakru.
Skont qraba u ħbieb ta’ Rezgui, hu kien inbidel totalment lejn nofs is-sena li għaddiet meta għamel ħbieb ma’ grupp ta’ estremisti Musulmani li marru jgħixu fl-inħawi tiegħu.
Fl-attakk ta’ nhar il-Ġimgħa 38 persuna nqatlu, fil-maġġoranza turisti Ingliżi.