Internazzjonali

Fil-Greċja, stennija kbira għal għada

Paniku, rabja u ansjeta’ kemm fil-Grecja kif ukoll madwar l-Ewropa hekk kif għada kollox jidher li effettivament il-pajjiż se jfalli.

Dalgħodu l-Banek fil-Greċja nżammu magħluqa filwaqt li tħabbar li mill-ATMs in-nies se jkunu jistgħu jirtiraw biss €60 kull jum. Dan hekk kif f’dawn l-aħħar ġranet il-Griegi ffullaw lejn l-ATMs beix jirtiraw il-flus mill-banek. Il-banek se jinżammu magħluqa sa tal-anqas tmiem il-ġimgħa.

Sitwazzjoni li ħadd ma jaf x’se jkunu l-konsegwenzi.

Jean Calude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, it-Tnejn esprima rabja kbira lejn il-Gvern Grieg għaliex ħassu tradut. Hu qal li l-Unjoni ewropea għamlet minn kollox biex isib soluzzjoni imma l-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras min-naħa l-oħra kaxkar saqajh u fl-aħħar għalaq il-bieb.

It-Tlieta, il-Greċja trid trodd lura €1.6 biljun f’self li kienet ħadet mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali imma l-pajjiż m’għandux dawn il-flus. Taħditiet li kienu qed isiru dwar soluzzjoni krollaw fi tmiem il-ġimgħa meta l-Prim Ministru Alexis Tsipras ħabbar li se jsir referendum dwar il-kundizzjoni għal aktar self lil Greċja.

Sadattant f’diversi kapitali Ewropej, qed isiru laqgħat ta’ emerġenza biex jaraw kif se jilqgħu għall-effetti tat-Tlieta hekk kif teknikament il-Greċja tkun falliet u ħadd ma jaf x’se jkunu il-konsegwenzi.

Illum is-swieq finanzjarji ewlenin kien reġistrat telf kbir fil-valur tal-ewro minħabba l-kriżi Griega.

Yanis Varoufakis, il-Ministru tal-Finanzi Grieg, ħeġġeġ għall-passi individwali mill-pajjiżi Ewropej peress li sostna li l-Kummissjoni Ewropa ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta inizjatti politiċi biex isolvu l-kriżi.

Hu żied li jekk il-Greċja titħalla tfalli, dan kien se jkun diżastru kkawżat minn pika biex ikun umiljat il-Gvern Grieg.