Front Ħarsien ODZ qed itenni l-oppożizzjoni tiegħu kontra l-iżvilupp ta’ shooting range fiż-żona kbira daqs 14-il grawnd tal-futbol f’ta’ Busbesija fil-Mosta.
Dan intqal fi stqarrija mill-istess Front li tenna li jappoġġja lir-residenti tal-Mosta li waqqfu l-organizazzjoni Mostin u Ħbieb Kontra s-Shooting Range. Il-Front esprima wkoll it-tħassib tiegħu li dan l-iżvilupp qed jiġi propost 300 metru l-bogħod mil-iskola sekondarja tal-Mosta f’post viċin residenti, dar tal-irtiri u toroq pubbliċi. Iż-żona mhux biss hi waħda ODZ imma wkoll hi identifikata bħala żona mħarsa minħabba il-valur għoli tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ veduti.
Front Ħarsien ODZ iddeskriva d–deċiżjoni tal-Gvern li jalloka 5000 metru kwadru ta’ art pubblika lill-grupp ta’ imprendituri Russi bħala ezempju iehor kif il-ġid kommuni li hu tagħna lkoll qed jiġi sagrifikat biex jiġi aġevolat l-interess tal-ftit li jridu jagħmlu profitt.
Il-Front Ħarsien ODZ esprima wkoll tħassib li l-proposta tinkludi 70,000 metru kwadru li hu erbatax il-darba ikbar miż-żona li beħsiebu jalloka l-gvern lil dawn l-interessi privati.
“Il-gvern għandu jirtira id-deċiżjoni li jalloka l-art pubblika lil U Group għax din qed tipreġudika deċiżjoni fuq żona ikbar li trid titieħed mil-MEPA fil-futur”, tenna l-Front Ħarsien ODZ, li esprima wkoll id-diżappunt tiegħu li ma kienet saret l-ebda konsultazzjoni pubblika dwar l-aħjar użu ta’ dan is-sit.
“Huwa ċar li s-sit jista jkollu użu kulturali, artistiku jew soċjali li huwa iktar important għal kommunita’ lokali minn shooting range.”
Il-Front Ħarsien ODZ iddiskriva l-kobor tal-iżvilupp bħal wieħed kbir wisq għal pajjiż żgħir bħal Malta. Front Ħarsien ODZ sejjaħ ukoll lill-Kunsill tal-Mosta biex jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar dan l-iżvilupp.
//= $special ?>

