Lokali

Aġġornata: Illum niċċelebraw l-Imnarja

Aġġornata: Raħħala diżappuntati bl-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom, u l-involviment tagħhom fil-kompetizzjoni tal-lum.

Illum pajjiżna qed jiċċelebra l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, magħrufa wkoll bħala l-Imnarja.

Il-kelma “Imnarja” ġejja mill-kelma bl-isqalli “luminaria”, li tfisser mixegħla, Dan għax fl-antik fil-festa kienu jixegħlu ħafna fjakkoli u xemgħat, u jqabbdu ħafna ħġejjeġ.

Bħal kull sena, matul il-ġurnata fil-Buskett saru numru ta’ kompetizzjonijiet differenti fosthom dawk għall-isbaħ bhejjem bħal baqar, żwiemel, klieb, fniek u tjur. Ma jonqosx l-ikel tradizzjonali Malti u l-ħlewwiet, kif ukoll spettaklu, kant u divertiment – jiddomina l-leħen tal-għannejja b’għana ma’ taqta’ xejn matul il-ġurnata u spirtu pront li nissel tbissima fuq fomm dawk preżenti.

Dan minbarra li l-pubbliku kellu aċċess għall-postijiet li s-soltu jkunu magħluqa għall-pubbliku bħalma hu r-razzett tal-Baghal fejn saret wirja tal-għodod tradizzjonali użati mill-bdiewa u r-raħħala.

Ma tonqosx ukoll il-wirja tradizzjonali tal-ħaxix u l-frott taħt it-tinda tal-Buskett fejn tispikka d-dedikazzjoni tal-bdiewa biex joħorġu b’arranġamenti kkuluriti tal-prodotti lokali li jipproduċu f’dawn iż-żminijiet.

Biss, persuni li ikkuntatjaw lil dan l-istazzjon, fosthom diversi raħħala, ilmentaw li għal din is-sena, huma ma preżentawx il-bhejjem tagħhom f’din il-kompetizzjoni. Filwaqt li aċċennaw fuq il-problemi li qed ikollhom jaffaċjaw biex ibiegħu l-prodott agrikolu tagħhom, ir-raħħala li kellmuna spjegawlna li l-baqar li kienu preżentati fil-kompetizzjoni ta’ din is-sena kienu kollha ġejjin minn dawk il-bdiewa li jaħdmu f’art tal-Gvern, u bosta oħrajn li xtaqu jieħdu sehem tħallew barra.