Implikat ukoll f’ishma tal-kumpanija Diabolik Entertainment Limited
L-eks-spettur Daniel Zammit, iben l-eks Agent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit li irreżenja wara l-każ tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, huwa s-sid ta’ dar li tiswa ‘l fuq minn miljun ewro, u li tinsab biswit il-Palazz ta’ San Anton.
L-aħbar kienet żvelata fuq is-sit tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li żvelat ukoll kif Daniel Zammit huwa wieħed mit-tliet ‘shareholders’ tal-kumpanija Diabolik Entertainment Limited.
Skont Caruana Galizia, din il-kumpanija topera stabbilimenti ta’ divertiment f’Paceville, San Ġiljan, bil-konsegwenza li, dejjem fi kliem Daphne Caruana Galizia, dan l-eks-spettur tal-Pulizija għandu terz tal-ishma ta’ klabb f’Paceville li joffri servizzi ta’ pole-dancing u lap-dancing lill-klijenti li jżuruh.
Daphne Caruana Galizia qalet ukoll li l-involviment ta’ Daniel Zammit f’din il-kumpanija jimplika li l-eks-spettur intuża bħala sors ta’ informazzjoni u kuntatti lis-sidien ta’ dan il-klabb mill-Korp tal-Pulizija. Min-naħa tiegħu, madankollu, is-sid tal-istabbilimenti msemmija Ugo Chetcuti ċaħad li l-istabbilimenti tiegħu għandhom xi konnessjoni ma’ Daniel Zammit.
Intant, f’aħbar separata ippublikata mill-istess ġurnalista, jidher li l-eks-spettur Daniel Zammit issa tleħħaq bħala “accountant” mal-kumpanija li jopera Marco Gaffarena, li kien involut direttament fil-każ tal-akkwist ta’ nofs proprjeta’ fi Triq Zekka, fil-belt Valletta.
L-ingaġġ tal-eks-spettur Daniel Zammit seħħ tliet ijiem ilu, u jkompli ma’ sensiela ta’ impjiegi oħra li għandu dan l-ispettur, fosthom il-fatt li tleħħaq bħala Konsulent fid-Dipartiment tal-Fordi u s-Serq għal Enemalta, b’paga ta’ €60,000 fis-sena, wara li ngħata l-pensjoni kmieni mill-ħidma tiegħu fil-Korp tal-Pulizija minħabba “raġunijiet psikjatriċi”.
Żvolta oħra li ħonqot il-karriera ta’ Daniel Zammit kien l-involviment tiegħu, ta’ ħuħ u tal-ġenituri tiegħu f’kumpaniji mmexxija minn membru ieħor tal-familja Gaffarena, Joe Gaffarena, u dan meta Zammit kien qed imexxi l-prosekuzzjoni kontra r-raġel t’oħt Marco Gaffarena fuq l-allegat qtil tal-maħbub t’oħtu.
//= $special ?>

