Internazzjonali

Saru l-provi ‘għall-invażjoni Russa tal-Iskandinavja’ – rapport

Madwar 33,000 suldat Russu ħadu sehem f’eżerċizzju li ssemma bħala ‘invażjoni finta’ tal-Iżvezja u n-Norveġja.

Edward Lucas, espert dwar is-sigurta, sostna li dawn is-suldati f’Marzu li għadda kienu wettqu l-provi għall-okkupazzjoni militari ta’ territorji Norveġiżi u Żvediżi qrib il-Baħar Baltiku. Dan joħroġ f’rapport bl-isem The Coming Storm li Lucas ħejja għas-Center for European Policy Analysis (CEPA) ibbażat fl-Istati Uniti.

L-eżerċizzju kien jinkludi simulazzjoni tal-‘invażjoni’ ta’ zoni oħrajn, fosthom il-gżira Daniża ta’ Bornholm; il-Gżejjer Aland tal-Fillandja u nħawi oħra lejn it-Tramuntana tan-Norveġja.

Ir-rapport isostni li f’każ li jirnexxi eżerċizzju ta’ dan it-tip, ‘il-fatt li r-Russi jkunu ħadu kontroll ta’ dawk it-territorju għandu jagħmilha kważi impossibbli għall-alleati tan-NATO biex jirrinfurzaw l-Istati Baltiċi (l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja)’. Fl-istess ħin, qed jingħad li r-rapidita tal-azzjoni Russa tista’ anki tħalli lin-NATO fuq sieq waħda u fejn ikun tard wisq biex l-Alleanza tirreaġġixxi.

Filwaqt li l-qawwiet armati tal-Iżvezja u l-awtoritajiet tad-difiża fin-Norveġja ma kkummentawx dwar ir-rapport, xi sezzjonijiet tal-istampa Norveġiża huma preokkupati dwar ‘ix-xenarju potenzjali’.