Lokali Qorti

Solvuta sensiela ta’ serq ta’ flus kontanti

Ġimgħat ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali wasslu biex tiġi solvuta sensiela ta’ serq ta’ flus kontanti, mobiles u diversi oġġetti oħra ta’ valur minn postijiet turistiċi madwar Malta.

Illum il-Pulizija resqu b’arrest quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, żagħżugħ ta’ 16-il sena fejn ġie akkużat b’madwar ħmistax-il akkuża ta’ serq minn ġo lukandi f’diversi lokalitajiet. Matul l-istaġun tas-sajf, il-Pulizija intensifikat l-investigazzjonijiet f’diversi stabbilimenti turistiċi fejn turisti kienu qegħdin jisfaw misruqa minn ġol-kmamar tal-lukandi fejn ikunu qed jirrisjedu.

Iż-żagħżugħ ammetta għall-akkużi hekk kif miġjuba fil-konfront tiegħu. Huwa ma ngħatax il-liberta` proviżorja u qed jinżamm taħt arrest preventiv.