Gvern Nazzjonalista ħadem fl-interess tal-pubbliku u ta inqas flus lil Emanuel Peresso meta dan ingħata kumpens ta’ €450,000 għal art li ġiet esproprijata b’mod abuziv mill-Gvern ta’ Mintoff fl-1974 fl-Imtaħleb.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ix-Shadow Minister Jason Azzopardi spjega li l-art kienet valutata għal ammont mill-perit tad-Dipartiment tal-Artijiet, u valur ta’ tliet darbiet ogħla mill-perit ta’ Peresso. Finalment, perit li nħatar bħala arbitru bi qbil bejn iż-żewġ naħar stima l-art għal ftit iktar minn €200,000.
Id-deċiżjoni tal-perit arbitrali kienet finali u Peresso ngħata dik is-somma, inkluż imgħaxx li nħadem bit-2.5%. Il-Gvern Nazzjonalista laħaq ftehim ma’ peresso li dan jitħallas €450,000 u ma jitlobx iktar flus mingħand il-Gvern.
Issa joħroġ li l-imgħax seta’ nħadem b’rata ta’ 5% u Peresso kien ikollu kull dritt li jieħu somma ikbar. Imma d-deċiżjoni tal-gvern iffrankat il-flus lill-poplu ghaliex jekk wiehed ihares lejn sentenza tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Novembru 2014, fejn f’każ separat raġel ingħata kumpens ta’ €445,000 għal art li kienet bil-wisq iżgħar minn dik ta’ Peresso.
Madankollu dawn id-dettalji ma ħarġux mill-midja Laburista li tat biss dettalji bażiċi u li kienu jaqblu lill-gvern ta’ Muscat dwar dan il-każ.
Fid-dawl ta’ dan Azzopardi sfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jippubblika r-rapport sħiħ.
“Jien m’għandix x’naħbi u qed nisfida lill-Prim Ministru jippublika kollox biex toħroġ il-verita’, u mhux biċċa biċċa tar-rapport biex jimmanipula l-istorja kif jaqbillu,” temm jgħid Jason Azzopardi.
Intant fi stqarrija Emanuel Peresso kkonferma li l-familja kienet tilfet biċċa art sostanzjali ta’ kwazi tmient’itmiem art, u mhux passaġġ kif kien deskritt mill-Malta Today, li ppublikat din l-istorja.
Emanuel Peresso cahad kull allegazzjoni ta’ interferenza politika f’dan il-każ u biex jikkonferma dan ippubblika wkoll siltiet minn komunikazzjoni bejnu, Jason Azzopardi, li dak iż-żmien kien Ministru, u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Filwaqt li ċaħad li hu qatt ingħata stima ta’ €60,000, kif irrapurtat fil-Malta Today, semma’ kif xorta waħda l-istima tad-Dipartiment tal-Artijiet kienet waħda baxxa u mhux realistika.
Kompla li fil-verita’, altru milli kien vantaġġat, hu mar minn taħt meta aċċetta valutazzjoni b’imgħaxx ta’ 2.5%, minflok 5% skont il-liġi.
//= $special ?>