Milħuq ftehim biex sa Ġunju 2017 jiġu aboliti c-charges tar-roaming u anke aċċess ħieles u ugwali għall-internet lil kull ċittadin
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea lbieraħ laħqu ftehim biex sa Ġunju 2017 jintemmu ċ-charges tar-roaming fil-qasam tat-telefonija ċellulari li se jfisser li l-komunikazzjoni bil-mowbajl bejn l-istati membri tal-UE se ssir ferm orħos.
Fl-istess ftehim, kien assigurat ukoll il-prinċipju ta’ internet miftuħ għal kulħadd. Fi kliem ieħor, dan ifisser li dawk li jipprovdu s-servizz tal-internet iridu jiggarantixxu aċċess ħieles għall-internet b’mod ugwali, u bħala dritt, liċ-ċittadini kollha Ewropej mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjonijiet jew indħil.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-telefonija bil-mowbajl, effettivament dan ifisser li l-konsumaturi se jibdew iħallsu l-istess prezz għal telefonati, SMSs u mobile data kull fejn ikunu – sew jekk ikunu f’pajjiżhom kif ukoll jekk ikunu qed jivvjaġġaw f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni.
Il-qbil milħuq jipprovdi għal perjodu transitorju – sa tmiem April tas-sena d-dieħla – li matulu r-roaming charges se jkunu erba’ darbiet inqas milli huma llum, waqt li fi żmien sentejn iridu jkunu ġew aboliti għalkollox fil-pajjiżi kollha membri, inkluż f’Malta.
L-ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola – li bħala MEP tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) isservi bħala membru tal-Kumitat Parlamentari Ewropew għas-Suq Intern u l-Affarijiet tal-Konsumatur – laqgħet b’sodisfazzjon il-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE u qalet li filwaqt li l-prezzijiet f’dan is-settur se jorħsu drastikament tul is-sena d-dieħla, l-ispejjeż tar-roaming se jispiċċaw kompletament sa nofs is-sena ta’ wara.
Dan, qalet Metsola fi stqarrija, jagħmel mis-suq wieħed aktar kompetittiv u din hi aħbar tajba għall-konsumaturi, għan-negozji u anke għal Malta u l-Maltin. Metsola sostniet li b’din id-deċiżjoni tneħħa dak li sejħitlu “ostaklu li kien hemm biex l-Ewropa jkollha verament suq diġitali komuni”.
Roberta Metsola fakkret li kemm ilha deputat fil-Parlament Ewropew din kienet kwistjoni li ħadmet ħafna fuqha u issa hija sodisfatta li finalment intlaħaq qbil fuq data konkreta biex dawn l-ispejjeż jispiċċaw darba għal dejjem.
L-MEP Nazzjonalista kompliet li l-Parlament Ewropew kien jippreferi kieku r-roaming charges jiġu aboliti din is-sena stess, imma almenu bil-qbil fuq l-aħħar ta’ Ġunju 2017 intlaħaq kompromess fuq kwistjoni delikata bejn l-istati membri li wħud minnhom talbu perjodu transitorju biex ikunu jistgħu jimplimentaw b’mod sħiħ dan it-tibdil.
Dan il-ftehim issa jonqsu biss li jiġi adottat formalment mill-Kunsill Ewropew u mill-plenarja tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>