L-NGO Din l-Art Ħelwa (DLĦ) kitbet lill-Gvern, lill-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u lill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u talbithom ineħħu żewġ klawsoli – li ddeskriviethom bħala ‘ambigwi’ – mill-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) li se jieħu post il-Pjan ta’ Struttura, u li bħalissa għaddej id-dibattitu dwaru fil-Parlament.
Fl-ewwel klawsola jingħad li fejn ma jkunx hemm alternattivi oħra vijabbli fiż-Żona Urbana, jista’ jiġi permess żvilupp f’ODZ. Waqt li t-tieni waħda tgħid li proġetti meqjusa bħala ta’ natura sostenibbli wkoll jistgħu jiġu permessi f’inħawi li huma barra miz-zoni tal-iżvilupp bħala ‘last resort’ fejn ikun essenzjali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli.
Fl-opinjoni ta’ Din l-Art Ħelwa, dawn il-klawsoli fl-abbozz finali tal-istrateġija jipprovdu inċertezza u jistgħu jiġu applikati f’sens wiesa’ għal ħafna skemi ta’ żvilupp b’mod li joħolqu ‘loopholes’ li jistgħu jintużaw bħala skuża biex isir żvilupp f’inħawi protetti. Għalhekk, jirrendu bħala null u kożmetiku kull titjib li jipprova jagħmel id-dokument għall-ħarsien ta’ zoni ODZ. “Jekk dawn iż-żewġ klawsoli jibqgħu hemm”, kompliet tgħid l-NGO ambjentali, “se jkunu fatali għall-kampanja, iz-zoni rurali, u l-kosta Maltija”.
L-ittra ta’ DLĦ intbagħtet lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, liċ-Chairperson u l-membri kollha tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u liċ-Chairman tal-MEPA Vince Cassar.
Bl-NGO ssostni li din tista’ tkun l-aħħar opportunità biex il-Gvern jagħti lill-pajjiż Pjan Strateġiku li jiddefinixxi b’mod ċar l-użu tal-art, u jagħtih direzzjoni għas-snin li ġejjin.
Din l-Art Ħelwa xorta hi tal-fehma li l-leġiżlazzjoni l-ġdida mhix adattata għall-iskop li għalih tfasslet u hija superfiċjali, imma dawn iż-żewġ klawsoli partikolari jirrendu l-pjan aktar vag u ekwivoku.
Għaldaqstant qed iddur fuq il-Prim Ministru bħala l-Ministru inkarigat mill-Ippjanar u l-Artijiet biex jikkunsidra b’mod urġenti t-talba tagħha u jwettaq il-wegħda li għamel fil-manifest elettorali tal-2013 li “jekk ikun elett, il-gvern laburista jipproteġi l-ambjent, mhux għax xi ħadd qallu biex jagħmel hekk, imma għax jistħoqqlu li jiġi mħares għall-ġenerazzjonijiet futuri”.
Filwaqt li talbet risposta mingħand il-Prim Ministru għal dawn il-proposti, il-President ta’ Din l-Art Ħelwa Simone Mizzi temmet tgħid li mill-politiċi huma mistennija governanza tajba u allura liġijiet tajbin – mhux għax jitolbuhom l-NGOs – imma għax gvern responsabbli għandu jaħdem għall-ġid komuni.
//= $special ?>