Lokali

Djufija minn Joseph Muscat li għadu ma keċċiex lil Michael Falzon – il-PN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ ma ħax azzjoni kontra s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, minkejja li dan kien involut f’sensiela ta’ skandli riċenti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, id-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi fakkar li l-aħħar ġimgħat sar magħruf li Michael Falzon kien involut direttament fl-iskandlu ta’ Strada Zekka, fejn Mark Gaffarena mil-lum għall-għada sar sinjur minn fondi pubbliċi.

Issa hu magħruf ukoll li Michael Falzon siefer għal holiday ma’ Mark Gaffarena u saħansitra ltaqa’ miegħu f’Kastilja fejn ġiet spjegata t-talba tiegħu. Barra minn hekk Clint Scerri, l-uffiċjal ta’ Kastilja li għandu l-fiduċja ta’ Michael Falzon, kien imur ma’ Mark Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet u l-istess Falzon iffirma ż-żewġ deals jintnu li għamlu lil Gaffarena multi-miljunarju.

Minkejja li dawn id-dettalji juru li Michael Falzon mhux talli kien jaf bid-dettalji kollha tal-iskandlu, imma wkoll hu ħabib kbir ta’ Mark Gaffarena, Joseph Muscat baqa’ ma ħax passi kontrih. “Iktar ma jdum ma jkeċċieh,” sostna Jason Azzopardi, “iktar tikber l-ipoteżi li anke’ Joseph Muscat seta’ kien involut f’dan l-iskandlu b’riħa ta’ korruzzjoni.”

Minn naħa tiegħu x-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech tkellem dwar każ ieħor, dak tat-termination benefit uniku ta’ €260,000 li gawda minnu l-istess Michael Falzon.

Claudio Grech qal li kien ikun ġust li kieku Falzon ingħata unpaid leave kif soltu jsir. Hu appella lill-Bank of Valletta biex jitkellem u jiċċara dan il-każ, u mhux iħalli l-ispekulazzjoni ddur.

Dwar l-istess każ tkellmet ukoll il-Kelliema tas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono li wkoll insistiet għal spjegazzjoni ċara dwar dan il-każ għaliex “l-ispekulazzjoni qed titfa’ dell ikrah fuq wieħed mill-banek ewlenin ta’ pajjiżna.”