Malta se tingħata €39 miljun oħra mill-UE hekk kif il-proġett tal-ewwel fażi tal-junction tal-Marsa fl-inħawi tal-Addolorata, intlaqa’ fost 31 proposta.
Dawn il-proġetti se jingħataw 85% tal-fondi meħtieġa, mill-Unjoni Ewropea. Transport Malta ssottomettiet dan il-proġett fi Frar li għadda.
Il-Gvern ħabbar dan hekk kif il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi wera s-soddisfazzjon tiegħu. Oriġinarjament kienu ġew sottomessi 700 proġett mill-UE kollha, li tniżżlu għal 276 proġett imbagħad għall-31 proġett finali approvat.
Il-proġett tal-Marsa għandu l-għan li jelimina l-konġestjoni tat-traffiku f’dawn l-inħawi b’użu effiċjenti u sostenibbli tal-infrastruttura li jtejjeb ukoll is-sigurtà, l-aċċessibilità u t-titjib tal-klima.
Il-Gvern qal li dan il-proġett mistenni jseħħ wara proġett ieħor infrastrutturali prinċipali minn Transport Malta, għall-junction tal-Kappara li mistenni jinbeda fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Il-31 proġett approvat għal iktar fondi Ewropej tħabbru mill-Kummissarju Ewropew għat-Trasport, Violeta Bulc.
Transport Malta qalet li se tapplika għal iktar fondi għat-tieni fażi tal-proġett, fl-2017, li mistennija tiswa mat-€30 miljun.
//= $special ?>