Lokali

Gaffarena jidħol il-Qorti biex jixtri l-kumplament tal-bini fi Triq Zekka

Quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kompla jinstema l-każ ta’ Mark Gaffarena kontra l-familja Cefai dwar ix-xiri tal-kumplament tal-bini fi Triq Zekka li jinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja u żewġ investigazzjonijiet.

Gaffarena talab lill-Qorti biex toħroġ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-familja Cefai sabiex jersqu għall-kuntratt ta’ xiri wara li dawn ma resqux għall-iffirmar tal-kuntratt.

Quddiem l-Imħallef Joseph R Micallef, l-Avukati taż-żewġ naħat ippreżentaw l-argumenti tagħhom fi trattazzjoni.

L-Avukat ta’ Gaffarena qal li l-konvenju -li jiskadi f’Marzu tas-sena d-dieħla – għadu validu u kien hemm ftehim sabiex ikun iffirmat il-kuntratt iżda l-familja Cefai ma resqux għall-kuntratt u d-drittijiet ta’ Gaffarena qed jigi perikolat.

Min-naħa tagħha, l-avukat tal-familja Cefai qalet li sakemm l-affarijiet ma kienux fil-pubbliku ma kienx hemm għaġġla iżda hekk kif ħarġu r-rapporti fil-media, Gaffarena ried iħaffef u jikkonkludi l-kuntratt. L-Avukat qalet li l-konvenju waħdu għadu jorbot u ma jaħsbux li hu prudenti li jersqu lejn kuntratt minħabba investigazzjonijiet li għaddejin bħalissa. Minbarra is-sitwazzjoni fiskali fejn il-partijiet huma marbuta li jirrappreżentaw prezz tajjeb u ġust fil-kuntratt meta diġa’ hemm valutazzjoni pubblika minn perit tal-Gvern li tisboq bil-bosta miċ-ċifra msemmija fil-kuntratt.

Il-Qorti aġġornat bl-Imħallef mistenni jagħti digriet in camera. L-Avukat Keith Bonnici qed jidher għal Mark Gaffarena filwaqt li l-Avukati Tanya Sciberras Camilleri u Reuben Balzan qed jidhru għall-familja Cefai