Luqa St. Andrew’s FC ħatru li Eamon Bugeja bħala l-kowċ ġdid fit-tmexxija tas-Seniors u tal-Minors għas-sentejn li ġejjin. Hu se jkun qed jiehu post Nikolai Slavtchev li matul l-aħħar żewġ staġuni kien qed imexxi t-tim.
Eamon Bugeja ilu nvolut fil-futbol għal diversi staġuni fejn tul il-karriera tiegħu kien ma’ Attard FC bħal kowċ tat-timijiet U15, U17, Minors u Seniors , ma’ Floriana FC fejn kien kowċ tal-Minors f’Section A u ħadem ukoll viċin tal-kowċ internazzjonali Mark Wright u Stephen Azzopardi, kien ukoll kowċ tas-Seniors ta’ Santa Luċia FC filwaqt li l-istaġun 2014/15 kien ma’ Lija Athletics FC bħala Assistent ta’ Joe Brincat u kowċ tal-Minors fejn rebaħ Section D u kiseb il-promozzjoni.
Flimkien ma’ Eamon Bugeja il-klabb ħatar ukoll lil James Muscat bħala Assistent Coach.
Tħabbret ukoll il-ħatra ta’ Kenneth Costantino bħala Direttur. Hu kien il-Head Coach tan-Nursery u fil-kariga ġdida tiegħu issa se jkun responsabbli li titwettaq strateġija teknika għall-klabb kollu kemm fost it-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll fil-livell ta’ Youths u Seniors.
Din l- istrateġija se tkun qed toffri lit-tfal u żgħażagħ l-opportunita’ li jipprogressaw b’mod naturali sa ma jaslu għal-livell ta’ Youths u eventwalment jiddebuttaw mas-Seniors. Kenneth Costantino se jkun qed isegwi wkoll mill-qrib il-coaching kollu tal-Luqa St. Andrew’s FC Youth Academy kif ukoll iżomm kuntatt kontinwu mal-kowċ Eamon Bugeja u t-tim tas-Seniors.
Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).


