Internazzjonali

Il-Britanniċi midruba jitwasslu pajjiżhom mit-Tuneżija

Numru ta’ turisti Britanniċi li kienu ndarbu serjament fl-attakk terroristiku ta’ nhar il-Ġimgħa fuq il-bajja ta’ Sousse twasslu lura r-Renju Unit b’ajruplan tat-trasport tar-Royal Air Force (RAF). Il-Gvern Britanniku qal li ċ-ċittadini kollha tiegħu li sfaw feruti dakinhar kellhom jittieħdu pajjiżhom f’dawn l-aħħar sigħat.

L-awtoritajiet fir-Renju Unit qed jaħsbu li nqatlu madwar 30 ċittadin Britanniku waqt l-attakk fir-resort ta’ Sousse, u kienu identifikati 21. L-awtoritajiet Tuneżini, sadanittant, arrestaw diversi persuni fuq suspett li huma għenu lit-terrorista, Seifeddine Rezgui, biex iwettaq dan l-attakk terroristiku.

Rezgui, li kellu rabtiet mal-ISIS, spiċċa maqtul mill-pulizija u filwaqt li l-awtoritajiet jemmnu li hu aġixxa waħdu biex joqtol lit-turisti fuq il-bajja u fl-inħawi ta’ żewġ lukandi, huma ma jeskludux li ħaddieħor għenu jippjana dan l-attakk.

S’issa, hu magħruf li wieħed mill-arrestati fit-Tuneżija hu raġel li kien jgħix f’appartament ma’ Rezgui. Intant, xi turisti li kienu fuq il-bajja ta’ Sousse fil-ħin tal-massakru qalu li kienu lemħu aggressur ieħor fl-inħawi.

L-aħħar rapporti qalu li xi kumpaniji tat-tours fir-Renju Unit ħassru l-vjaġġi kollha lejn it-Tuneżija li kellhom jitilqu qabel id-9 ta’ Lulju. Il-kumpaniji Britanniċi ħadu ħsieb ukoll li jorganizzaw tijiriet addizzjonali, u minn nhar il-Ġimgħa ’l hawn, mal-10,000 turist irritornaw fir-Renju Unit mit-Tuneżija.