Internazzjonali

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin f’taħdidiet mal-potenzi tad-dinja dwar il-programm nukleari

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin Mohammad Javad Zarif irritorna fil-kapitali Awstrijaka Vjenna għal taħditiet mal-potenzi tad-dinja. Dan meta llum għandu jagħlaq iż-żmien għal ftehim dwar il-programm nukleari tal-Iran.

L-entitajiet imsieħba fit-taħditiet mhux jistennew li jilħqu ftehim sakemm jiskadi d-deadline u għalkemm jinsistu li rnexxielhom javvanzaw fin-negozjati, hu fatt li għadhom ‘il bogħod minn konklużjoni sodisfaċenti għan-naħat kollha.

Il-grupp tal-pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti, ir-Russja, ir-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina u l-Ġermanja, irid li l-Iran inaqqas mill-attivitajiet nukleari sensittivi biex jaċċertaw li r-reġim Iżlamiku f’Tehran ma jkunx jista’ jiżviluppa arma atomika.

Min-naħa tiegħu, l-Iran, li qed jitlob biex jitneħħew is-sanzjonijiet imposti fuqu mill-Punent, jinsisti li l-ħidma nukleari tiegħu għandha skop paċifiku.