Lokali Parlament

Il-Ministru Joe Mizzi jidħol fil-Parlament tard b’t-shirt

Reazzjoni ta’ daħk mill-membri kollha tal-Kamra għall-mod kif daħal u kif kien liebes il-Ministru Joe Mizzi

Il-Ministru Joe Mizzi daħal fil-Kamra tad-Deputati liebes t-shirt blu hekk kif lejn l-aħħar tas-seduta tal-lejla tilef l-ewwel vot li ttieħed fil-Parlament u kif infetħu l-bibien fil-proċedura stabbilita biex jittieħed it-tieni vot li kien miftiehem li jittieħed, tfaċċa l-Ministru Joe Mizzi dieħel għall-vot fost ir-reazzjoni ta’ daħk li kien hemm miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Dan kollu seħħ fil-mument li fih kienu qed jittieħdu żewġ voti fit-tmiem tas-seduta tal-lejla, bil-Ministru Joe Mizzi jitlef l-ewwel vot li ttieħed, u jidħol hekk kif infetħu l-bibien biex tibda l-proċedura tat-tieni vot.

Iż-żewġ voti tal-lejla ttieħdu wkoll bis-sistema ġdida tal-vot elettroniku li tħaddmet għall-ewwel darba bi prova fis-seduta tal-lejla. Il-membri tal-Kamra kienu avżati mid-Deputat Speaker Ċensu Galea li ppresieda s-seduta tal-lejla, li l-vot tradizzjonali kien se jorbot u jkun dak uffiċjali f’każ li jkun hemm xi żbalji bis-sistema tal-vot elettroniku.

Il-maġġoranza tal-Gvern illejla vvutat favur l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att tal-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu l-Gvern irid jipposponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jmiss tal-2017, u jtawwal il-perjodu tal-Kunsilli Lokali minn erba’ snin għal ħames snin.

It-tieni vot li ttieħed ukoll wara li l-Oppożizzjoni talbet division, kien b’rabta mal-Estimi tad-Dħul u Nfiq tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għas-sena 2015.

L-estimi tal-MEPA kienu approvati b’vot aktar għall-gvern mill-ewwel votazzjoni li tieħdet minħabba li kien laħaq daħal il-Ministru Joe Mizzi fil-Kamra liebes t-shirt – liema dehra tal-Ministru Joe Mizzi kienet ta’ sorpriża għal kulħadd għall-mod kif kien liebes il-Ministru tal-Gvern ta’ Muscat li hu responsabbli mit-trasport u l-infrastruttura.