Lokali

Il-Pulizija tappella biex ma jinġabrux murtali mill-għelieqi

Ġuvni ta’ 15 il-sena lbieraħ sofra ġrieħi gravi meta ħaraq parti minn murtal li kien sab il-ġurnata ta’ qabel, fit-28 ta’ Ġunju.

Il-każ kien irrapurat għall-ħabta tad-9:30pm meta l-ġuvni minn Santa Venera ddaħħal fit-Taqsima tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei bi ħruq fuq idu l-leminija u fuq wiċċu.

Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li ilbiraħtlula l-ġuvni kien qiegħed jara’ xi logħob tan-nar fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Blat, f’Ħal Qormi meta sab parti minn murtal li ma kienitx inħarqet fl-inħawi ta’ fejn kien qiegħed jinħaraq l-istess nar.

Il-vittma ġabarha u ddeċieda li jaħraq din l-istess parti lbieraħ fiz-Żona Industrijali tal-Imrieħel. Hekk kif ħaraqha, din minnufih ħadet f’idejh.

Il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi.

Il-Pulizija qed tappella lil kull min isib xi logħob tan-nar biex iżomm id-distanza minnu u immedjatament jinforma lill-awtoritajiet. Wieħed qatt m’għandu jiġbor xi materjal splussiv u, agħar minn hekk, itih in-nar.