Internazzjonali

Investigat każ ġdid tal-Ebola fil-Liberja

Uffiċjali fil-Liberja qed jinvestigaw kif raġel Liberjan spiċċa miet kaġun tal-marda tal-Ebola, wara li mit-testijiet li sarulu ħareġ li kellu l-virus. Dan hu l-ewwel każ irrappurtat tal-Ebola fil-Liberja mindu l-pajjiż kien iddikjarat ħieles mill-virus daqs sitt ġimgħat ilu.

Il-Viċi Ministru tas-Saħħa Liberjan, Tolbert Nyenswah, qal li t-testijiet ikkonfermaw li l-persuna inkwistjoni – ġuvni ta’ 17-il sena li kien jgħix fil-belt ta’ Nedowein – tilfet ħajjitha proprju kaġun tal-effetti tal-marda. Issa l-investigaturi qed jippruvaw isibu kif il-vittma spiċċa infettat bl-Ebola.

Il-Liberja, f’Mejju, kienet iddikjarata ħielsa mill-virus wara l-agħar inċidenza fit-territorji tagħha.

Minn Diċembru tal-2013 ’l hawn, mietu iktar minn 11,000 persuna kaġun tal-Ebola, u l-maġġoranza tal-vittmi kienu ġejjin mil-Liberja, l-Guinea u Sierra Leone.

Kelliema f’Monrovia, il-belt kapitali tal-Liberja, qalu li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jieħdu ħsieb is-sitwazzjoni b’mod effettiv u li m’hemm l-ebda raġuni biex il-pubbliku jintilef f’paniku.