Internazzjonali

Iqabbad lilu nnifsu fuq ‘bullet train’

Raġel passiġġier fuq ferrovija speċjali magħrufa bħala bullet-train ta n-nar lilu nnifsu waqt vjaġġ mill-kapitali Ġappuniża Tokjo sa Osaka, bir-riżultat li mietu hu u mara li kienet qed tivvjaġġa miegħu.

Indarbu aktar minn 20 persuna, uħud serjament, riżultat tal-azzjoni, u l-uffiċjali ma indikawx l-iskopijiet tar-raġel waqt li qed jittrattaw l-inċident bħala suwiċidju.

Ix-xhieda li kienu fuq din il-ferrovija qalu li r-raġel, li jaħsbu li kellu aktar minn sebgħin sena, l-ewwel xarrab lilu nnifsu bil-petrol li kien qed iġorr f’kontenitur, imbagħad waddab il-kumplament tal-petrol għal fuq is-seats ta’ maġenbu. Sekondi wara, ir-raġel ħareġ lighter u qabbad lilu nnifsu. In-nies irrakkuntaw lill-aġenziji tal-aħbarijiet li n-nirien infirxu ma’ kullimkien f’ħakka t’għajn.

Ħafna fost l-elf persuna li kienu qed jivvjaġġaw fuq il-ferrovija rnexxielhom jaħarbu mill-vaguni li mtlew bid-duħħan wara li x-xufier esegwixxa waqfa ta’ emerġenza qrib il-belt ta’ Odawara, lejn in-Nofsinhar ta’ Tokjo. Imkejjen infurmati li kkwotaw lill-uffiċjali tat-trasport Ġappuniżi qalu li x-xufier tal-ferrovija pprova wkoll jikkontrolla n-nirien.