Lokali

Kawża mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija kontra l-Kummissarju

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija flimkien ma’ żewġ uffiċjali pubbliċi fetħu kawża kontra l-Kummissarju Michael Cassar u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern sabiex il-Qorti tikkonferma l-jedd tagħhom li jipparteċipaw f’żewġ irkanti ta’ armi, vetturi u oġġetti oħra. Dawn huma ilkoll oġġetti li kienu fil-pussess tal-Korp.

Oriġinarjament, il-Pulizija kienu ġew imċaħħda milli jipparteċipaw f’dawn l-irkanti. Iżda fis-17 ta’ Marzu li għadda, f’mandat ta’ inibizzjoni, kienu rebħu l-jedd li huma bħala Pulizija jipparteċipaw fl-irkant imsemmi.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni qed tibqa’ tinsisti li din il-projbizzjoni hija diskriminatorja, arbitrarja u bi ksur tal-liġi.