U Group Malta, li qed jipproponi l-iżvilupp ta’ shooting range fl-inħawi tal-Busbesija fil-Mosta, qrib id-Dar tal-Irtiri Mount St Joseph, appella lil dawk li qed jikkummentaw dwar il-proġett biex jistennew l-eżitu ta’ studji li qed isiru minnu dwar l-impatt ta’ dak propost.
U Group Malta ħareġ stqarrija b’reazzjoni għal kummenti fl-istampa wara konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar jiem fil-Mosta.
Spjega li s’issa ma kkummentax dwar il-proġett minħabba li għaddejjin studji professjonali fuq l-impatti kollha possibbli tal-proġett. Spjega li l-proġetti kollha li jidħol fihom il-grupp, huma state of the art għaliex jiġu analizzati u studjati mill-esperti f’diversi oqsma li jassiguraw li l-informazzjoni kollha tkun f’idejhom fil-fażi tal-ippjanar, mhux jiskopru affarijiet ġodda hekk kif jibda l-proġett.
Il-grupp qal li se jipprovdi l-informazzjoni lil dawk kollha konċernati meta jkollu l-assikurazzjoni li din hi korretta. Ikkritika lil “organizzazzjonijiet oħra” li għaddew informazzjoni lill-pubbliku, u li mhix iffurmata fuq studji meħtieġa.
Saħaq ukoll li wieħed għandu jikkunsidra wkoll il-benefiċċji li dan il-proġett se jagħti lil-lokalitajiet tal-madwar waqt li rringrazzja lil dawk li bagħtu messaġġi pożittivi u ta’ nkoraġġiment b’rabta mal-proġett.
Fl-istess ħin, stieden lil dawk li jixtiequ jressqu tħassib, osservazzjonijiet jew suġġerimenti biex jibgħatu email fuq invite@u-shoot.com.mt.
//= $special ?>