Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara diffikultà fl-għawm

Mara ta’ 55 sena minn Bormla tinsab fil-periklu tal-mewt wara li qabżet fil-baħar u għal xi raġuni sabet ruħha f’diffikultà.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4 ta’ waranofsinhar fil-post magħruf bħala Tat-Toqba, fil-Birgu. Fuq il-post issejjħu l-Pulizija tad-Distrett li marru minnufih fuq il-post. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-mara ttellgħet l-art minn xi nies li kienu fl-akwati ftit wara li qabżet il-baħar.

Fuq il-post issejjħet ambulanza li ħadet l-isptar Mater Dei għall-kura, madanakollu iżjed tard hi ġiet ċertifikata li tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Għassa ta’ Bormla għadhom għaddejjin.