Investigazzjonijiet mill-Pulizija wasslu biex inġabru provi biżżejjed ħalli fil-jiem li ġejjin membru tal-Kleru se jitressaq il-Qorti dwar allegat abbuż ta’ minorenni. Il-każ tressaq quddiem il-Pulizija, li fil-jiem li għaddew investigatu b’reqqa kbira, fost l-oħrajn anki billi ripetutament tkellmet miegħu dwar l-allegat abbuż.
Jidher li l-Kurja tal-Arċisqof hi infurmata sew b’dan il-każ u qed issegwi mill-qrib l-iżviluppi kollha, filwaqt li jidher li ttieħdu wkoll numru ta’ miżuri mill-Knisja fil-konfront tiegħu, għalkemm hu preżunt innoċenti sakemm jintemm il-każ fil-Qorti.
MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-membru tal-Kleru hu wieħed minn numru ta’ membri oħrajn li fil-ġimgħat li għaddew kellhom laqgħat ma’ membri mir-Response Team tal-Kurja. Hu mifhum li minn dawn, hu wieħed biss li se jitressaq il-Qorti, għalkemm għadu mhux magħruf x’passi se jittieħdu dwar il-każi l-oħrajn.
Fil-fatt jidher li l-Pulizija hi avvanzata ħafna fl-istħarriġ tagħha dwar il-każ relatat ma’ allegat abbuż ta’ minorenni, tant li diġà ppreżentat l-akkużi li se jkunu qed jitressqu fil-konfront tal-membru tal-Kleru. Jidher li saħansitra anke hu identifikat il-Maġistrat li se jkun qed jisma’ l-każ minħabba li l-membru tal-Kleru se jitressaq il-Qorti permezz ta’ ċitazzjoni.
Sadanittant, fi stqarrija dwar l-allegat każ ta’ abbuż ta’ minorenni, il-Kurja tal-Arċisqof fissret li l-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli tieħu l-azzjoni meħtieġa fil-każi kollha fejn tfal jew adulti vulnerabbli jkunu f’riskju. Qalet li l-azzjoni tittieħed abbażi tal-informazzjoni li tkun għaddiet għand il-Kummissjoni u skont l-eżitu tal-ewwel assessjar tal-każ.
Appellat lill-pubbliku biex f’każ ta’ tħassib dwar tfal jew adulti vulnerabbli, jagħmel kuntatt mal-Kummissjoni fuq safeguarding@maltadiocese.org.
//= $special ?>