Internazzjonali

Miet l-eks-Ministru Franċiż, Charles Pasqua

L-eks-Ministru tal-Intern Franċiż, Charles Pasqua, miet l-isptar kaġun ta’ attakk tal-qalb, fl-età ta’ 88 sena.

Pasqua, li fit-Tieni Gwerra kien jifforma parti mir-Reżistenza Franċiża, jibqa’ mfakkar bħala konservattiv ewlieni li għen fit-twaqqif tal-Partit Gollista RPR ta’ Franza.

Hu kien ukoll alleat kbir tal-eks-President ta’ Franza, Jacques Chirac, u fl-aħħar ġimgħat kien involut fil-preżentazzjoni tal-Partit tar-Repubblikani tal-eks-President Franċiż, Nicolas Sarkozy. Dan il-partit jirrifletti rebranding tal-Partit UMP taċ-Ċentru-Lemin.

Charles Pasqua kien magħruf ukoll għall-fehmiet konservattivi tiegħu rigward l-immigrazzjoni u t-terroriżmu iżda l-aħħar snin ta’ ħajtu kienu mtappnin minn allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.

Fil-fatt, Pasqua baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu jikkontesta sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs li ngħatatlu b’konnessjoni ma’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.