Il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ ma ħax azzjoni kontra s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, minkejja li dan kien involut f’sensiela ta’ skandli riċenti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi fakkar li l-aħħar ġimgħat sar magħruf li Michael Falzon kien involut direttament fl-Iskandlu ta’ Strada Zekka, fejn Marco Gaffarena sar sinjur minn fondi pubbliċi mil-lum għall-għada.
Issa hu magħruf ukoll li Michael Falzon siefer għal holiday ma’ Gaffarena, filwaqt li saħansitra ltaqa’ miegħu f’Kastilja biex tiġi spjegata t-talba tiegħu. Barra minhekk Clint Scerri, l-Uffiċjal f’Kastilja li għandu l-fiduċja ta’ Michael Falzon, kien imur ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet u l-istess Falzon iffirma ż-żewġ deals jintnu li għamlu lil Gaffarena multi-miljunarju.
Jason Azzopardi sostna li minkejja li dawn id-dettalji juru li Michael Falzon, mhux talli kien jaf bid-dettalji kollha tal-iskandlu, imma wkoll hu ħabib kbir ta’ Marco Gaffarena, Joseph Muscat baqa’ ma ħax passi kontrih. Aktar ma jdum ma jkeċċieh, aktar tikber l-ipoteżi li anke Muscat seta’ kien involut f’dan l-Iskandlu b’riħa ta’ korruzzjoni, sostna Azzopardi.
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech tkellem dwar każ ieħor, dak tat-termination benefit uniku ta’ €260,000, li gawda minnu Michael Falzon. Grech qal li kien ikun ġust li kieku Falzon ingħata unpaid leave, kif soltu jsir, filwaqt li appella lill-Bank of Valletta biex jitkellem u jiċċara dan il-każ u mhux iħalli l-ispekulazzjoni ddur.
Dwar l-istess każ, tkellmet ukoll il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono, li wkoll insistiet għal spjegazzjoni ċara għax l-ispekulazzjoni qed titfa’ dell ikrah fuq wieħed mill-banek ewlenin ta’ pajjiżna.
//= $special ?>