Internazzjonali

Proposta finali, bil-Greċja viċin id-deadline…

L-aħħar rapporti minn Ateni qalu li l-Gvern Grieg talab ftehim ġdid għal bailout, li jkun validu għal sentejn, mingħand iz-zona ewro. It-talba saret sigħat biss qabel Ateni hu obbligat li jħallas lura 1.6 biljun ewro li kienet ħadet bħala self lill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

L-aħbar spikkat waqt sessjoni ta’ taħditiet finali dwar jekk il-Greċja taċċettax offerta li tippermetti biex hi tħallas lura parti mid-dejn lill-kredituri internazzjonali. Intant, is-sitwazzjoni baqgħet inċerta qabel kellu jiskadi ż-żmien stabbilit, f’nofsillejl.

Sadanittant, ir-rapporti dwar is-sejħa Griega għall-għajnuna lill-European Stability Mechanism ħarġu meta l-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro kienu qed jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-Greċja.

F’każ li l-Greċja taċċetta ‘fl-aħħar nifs’ il-proposta li ressqitilha l-Kummissjoni, hi għandha tkun f’pożizzjoni li tħallas il-1.6 biljun ewro dovuti lill-kredituri.

Min-naħa tagħha, il-Greċja qed titlob ftehim għall-għajnuna, fuq sentejn, ekwivalenti għal 29.1 biljun ewro. Dan jista’ joħroġ mill-mekkaniżmu tal-bailout effettiv għall-Istati taz-zona ewro. Il-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro, fl-aħħar sigħat, bdew jitrattaw il-kriżi u s-soluzzjonijiet potenzjali permezz ta’ telekonferenza.

Jekk tfalli milli tħallas id-dejn lill-IMF, il-Greċja tissogra li tħalli z-zona ewro. Dan meta l-ebda ekonomija avvanzata, s’issa, ma qatt naqset minn pagament fuq is-self mill-IMF.

Il-Kummissjoni Ewropea, li waħda mill-kredituri tal-Greċja, trid li Ateni żżid it-taxxi u tnaqqas l-infiq fis-settur tal-ġid soċjali.

Fl-istess ħin, hemm ansjeta kbira li l-Greċja ma tirrispettax l-obbligi rigward id-djun pubbliċi enormi ta’ 323 biljun ewro u, għaldaqstant, tispiċċa bħala membru tal-ewro. Fl-aħħar sigħat, sriebet twal tal-Griegi baqgħu jinġemgħu quddiem il-cash machines f’pajjiżhom meta, bħalissa, ma jistgħux joħorġu aktar minn 60 ewro kuljum.

Aktar qabel, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, naqqset mill-aspettattivi ta’ ftehim fl-aħħar minuta.

Dan meta qed tinħass sew l-ansjetà fil-Greċja u madwar l-Ewropa meta l-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, hedded li jirriżenja jekk il-poplu tiegħu ma jivvutax biċ-ċar kontra l-awsterità waqt ir-referendum li għandu jsir nhar il-Ħadd, dwar il-kriżi tad-djun.

F’diskors li hu għamel fil-lejl tat-Tnejn minn fuq il-mezzi tax-xandir, Tsipras appella lill-Griegi biex jiċħdu l-proposti tal-kredituri internazzjonali għaliex jemmen li b’hekk, il-Greċja tkun tista’ tinnegozja minn pożizzjoni aktar b’saħħitha. Tsipras qal ukoll li ma jemminx li l-kredituri jridu li l-Greċja toħroġ miz-zona ewro għaliex il-prezz li jrid jitħallas għandu jkun kbir wisq.

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea wissew li jekk il-Griegi, nhar il-Ħadd, jiċħdu l-proposti tal-kredituri, dan għandu jfisser li l-Greċja ma tiffurmax aktar parti miz-zona ewro, anki jekk il-Prim Ministru Tsipras qed jinsisti li ma jridx li dan iseħħ.

It-taħditiet bejn il-Greċja u l-kredituri xoljew il-ġimgħa l-oħra mingħajr riżultat sodisfaċenti u dan wassal biex il-banek Griegi ma fetħux din il-ġimgħa.

L-aħħar rapporti qalu li l-Ministeru tal-Finanzi Grieg sostna li madwar elf fergħa tal-banek se jerġgħu jiftħu minn għada fil-Greċja biex jippermettu lill-pensjonanti jiġbdu l-flus. Il-Gvern Grieg qal ukoll li s-servizzi tat-trasport pubbliku fiz-zona ta’ Ateni se jkunu b’xejn għal ġimgħa waqt li l-banek jibqgħu magħluqin.