Lokali

Ritratt: Joħorġu tallinja cards bla isem u ritratt

Fost il-paniku u l-għaġġla tal-aħħar sigħat biex jinħarġu tallinja cards qabel għada tiġi ntrodotta s-sistema’ ġdida, uħud marru jiġbru l-cards tagħhom u sabu li dawn huma bla isem u ritratt, kif jidher.

Imma min irċivihom hekk jista’ jħossu fortunat għax eluf ta’ persuni baqgħu mingħajr tallinja card hekk kif din suppost tibda taħdem minn għada, b’rati vantaġġjużi li din iġġorr magħha. Dan hekk kif illum mijiet ta’ persuni nġabru f’kjuwijiet twal sabiex jipprovaw jilħqu jiġbru il-tallinja card tagħhom.

Dewmien 6

Dan ifisser, li l-eluf ta’ persuni baqgħu mingħajrha, minn għada se jkollhom iħallsu €2 għal kull vjaġġ li jagħmlu. Jiġifieri, jekk taqbad tal-linja darbtejn, trid tħallas total ta’ €4.

Dan hekk kif skont il-Malta Public Transport, fl-aħħar jiem daħlu mal-20,000 applikazzjoni għal tallinja card, bit-total ta’ applikanti jilħaq il-140,000 persuna.

Fi stqarrija l-Malta Public Transport qalet li s’issa tqassmu fid-djar tan-nies aktar minn 100,000 tallinja card, u li fadal se jintbgħatu fil-jiem li ġejjin. Dan ifisser li min baqa’ ma rċeviex il-card, minn għada se jkollu jħallas il-prezz ta’ żewġ ewro għal kull vjaġġ.

Madanakollu, il-Malta Public Transport qalet li dawk li għadhom ma rċevewx il-card, xorta se jibbenefikaw minn tariffi orħos mill-1 ta’ Lulju, peress li se jkunu jistgħu jimlew applikazzjoni online sabiex jitolbu d-differenza fil-flus bejn it-tariffi l-ġodda tal-card il-ġdida u ż-żewġ ewro għal kull vjaġġ li se jkollhom iħallsu minn għada peress li l-Malta Public Transport ma laħqitx tibgħat il-cards kollha lil kull min applika.

Intant, anzjani, tfal u persuni b’diżabilita’ li għadhom ma rċevewx tallinja card mhux se jkunu qed jintalbu jħallsu żewġ ewro għal kull vjaġġ, peress li l-biljett eżistenti ta’ 30 ċenteżmu għal sagħtejn se jibqa’ disponibbli sas-7 ta’ Lulju.