Lokali Parlament

Surġent tal-Pulizija jidħol lura fl-Korp u f’erba’ xhur jingħata promozzjoni

Jerġa’ jirtira mill-Korp erba’ xhur wara li jingħata l-promozzjoni

Surġent tal-Pulizija li kien ilu tmien snin li rtira mill-Korp tal-Pulizija, erba’ xhur wara li tela’ l-Gven Laburista daħal lura fil-Korp, u f’anqas minn erba’ xhur ingħata promozzjoni. L-istess Surġent, issa fir-rank ta’ Maġġur fit-Tieni Klassi, irtira bil-pensjoni erba’ xhur wara u f’anqas minn sena u tmien xhur wara li kien reġa’ daħal fil-Korp.

Wara li aktar kmieni dan ix-xahar fil-Parlament kien żvelat il-każ tat-tifel tal-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit, l-Ispettur Daniel Zammit li ġie boarded out mill-Korp f’erbat ijiem u ngħata xogħol fl-Enemalta b’salarju ta’ €60,000, kien ukoll żvelat il-każ ta’ dan is-Surġent tal-Pulizija, Steve Monreal, li llum hu rtirat mill-Korp wara li reġa’ daħal fil-Korp wara l-elezzjoni li rebaħ il-Gvern Laburista f’Marzu tal-2013.

Dwar dan is-Surġent, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, staqsa lill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, jgħid jekk hux minnu li dan l-individwu kienx ġie reinstated fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ftit wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013. Staqsa lill-Ministru jgħid meta eżatt ġie reinstated fil-Korp, wara kemm żmien li kien ġie reinstated ġie promoss għal Surġett Maġġur fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, u kemm dam jokkupa l-kariga ta’ Surġet Maġġur u fejn kien stazzjonat meta kien qed jokkupa din il-kariga.

Fil-mistoqsija parlamentari l-Ministru kien mitlub jgħid ukoll kemm ilu li l-individwu rtira mill-Korp tal-Pulizija u jikkonfermax jekk dan l-individwu rtirax u jekk hux qed jieħu pensjoni ta’ surġent maġġur.

Il-Ministru Abela kkonferma fil-Parlament li Steve Monreal kien ġie reinstated fil-Korp tal-Pulizija fid-19 ta’ Lulju, 2013. Hu kien ġie reinstated fil-Korp fir-rank ta’ Surġent tmien snin wara li kien irtira mil-Korp, fis-17 ta’ Lulju 2005, fejn ġie stazzjonat fit-Taqsima ta’ Kontra Droga.

Il-Ministru Abela kkoferma li s-Surġent Steve Monreal ġie promoss għall-kariga ta’ Surġent Maġġur tat-Tieni Klassi fil-15 ta’ Novembru 2013, u fis-16 ta’ Novembru 2013 ġie stazzjonat fit-Taqsima tal-Affarijiet Interni fi ħdan il-Korp.

L-istess persuna rtira bil-pensjoni fir-rank ta’ Maġġur tat-Tieni Klassi fis-16 ta’ Marzu, 2015, tliet xhur u nofs ilu.

L-eks-Surġent Maġġur tal-Pulizija li taħt dan il-Gvern irnexxielu jidħol lura fil-Korp u jerġa’ jirtira f’rank għola milli kellu, iddefenda fuq Facebook il-promozzjoni li ngħata fi żmien qasir ta’ anqas minn erba’ xhur wara li daħal fil-Korp.

Fuq Facebooke, Steve Monreal, li fost ir-ritratti li tella’ fuq Facebook hemm ritratt partikulari mal-eks-Prim Ministru Dom Mintoff, wieġeb li hu ġab ix-xogħol tiegħu b’ħiltu u ma kien hemm ebda manuvri kontra l-liġi.

Il-każ tal-eks-Surġent Maġġur li ngħata promozzjoni f’anqas minn erba’ xhur wara li kien reinstated fil-Korp wara l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2013, hu każ ieħor żvelat mill-Oppożizzjoni fil-Parlament, bħalma kien ukoll żvelat il-każ tal-eks-Spetttur tal-Pulizija li kien l-uffiċjal li mexxa l-investigazzjonijiet kontra abbuż fis-serq tal-elettriku, u għadda boarded-out u ngħata impjieg fl-Enemalta biex jiġġieled l-abbużi fis-serq tal-elettriku.