Lokali Parlament

Vuċi waħda Maltija dwar il-kriżi tal-Greċja

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li fil-Parlment hemm vuċi waħda dwar is-sitwazzjoni u l-kriżi tal-Greċja hekk kif sejjaħ li m’hemmx differenza bejn Gvern u Oppożizzjoni, iżda vuċi waħda Maltija.

Dan iddikjarah il-Kap tal-Oppożizzjoni fid-dibattitu fil-Parlament illejla fejn kienu diskussi l-aħħar żviluppi fit-taħditiet biex fl-aħħar sigħat ikun evitat il-falliment tal-Greċja.

Simon Busuttil qal li li min ħaddem l-ewro b’għaqal, ġab stabbilità u ġid bħalma ġara f’Malta u f’pajjiżi oħrajn fiz-zona ewro. L-Oppożizzjon hi wara l-pożizzjoni tal-Gvern Malti, tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-Ministri ta-Finanzi dwar is-sitwazzjoni fil-Greċja.

“M’hemm ebda differenza bejn Oppożizzjoni u Gvern u dan hu punt importanti li qed tagħmel l-Oppożizzjoni biex ikun rikonoxxut li fil-Parlament hawn vuċi waħda – il-vuċi Maltija dwar il-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-kriż tal-Greċja”, iddikjara Simon Busuttil li fir-referendum tal-Ħadd li ġej hemm mistoqisja waħda – jekk il-Griegi jagħżlux li jibqgħu fiz-zona Ewro, u għaldaqstant fl-Ewropa wkoll, jew le. L-għażla hi bejn il-Prim Ministru Grieg u l-Ewropa – l-ewro.

Simon Busuttil fisser li l-ewro mhix a la carte għaliex fih benefiċċji iżda wkoll responsabbiltajiet u sagrifiċċji. Irrimarka li kien forsi żball meta kienet aċċettata l-Greċja bħala membru fiz-zona ewro, hekk kif fakkar li pajjiżna għadda minn diversi kriterji iebsa biex isseħibna, u rnexielna nżommu stabbilità sal-lum.

L-Ewro jfisser ukoll li pajjiż ikun effiċjenti fl-ekonomija, jirriforma fejn hu meħtieġ u jkun hemm għaqal fl-infiq tal-finanzi pubbliċi. Fakkar li fil-Greċja kien hemm impjiegi mal-Gvern bl-addoċċ, korruzzjoni istituzzjonalizzata u sistema ta’ nepotiżmu qawwi.

Awgura li l-Griegi jagħżlu u jivvutaw biex jibqgħu msieħba fl-Ewro u wkoll fl-Unjoni Ewropea għaliex saħaq li l-UE mhix biss għaqda ta’ flus iżda hi wkoll għaqda politika, kulturali u ta’ identità. Stieden lill-Prim Ministru li wkoll jagħmel l-istedina lill-Griegi biex jibqgħu msieħba fl-Ewropa.

Fid-dibattitu, il-Prim Ministru Muscat informa lill-Parlament dwar l-aħħar żviluppi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Grieg.