Futbol Sport

Balzan megħluba tnejn b’xejn kontra Zeljeznicar

Minn Stewart Said

EUROPA LEAGUE – I RAWND TA’ KWALIFIKAZZJONI

BALZAN…………………………….0
FK ZELJEZNICAR…………….2

Balzan: C. Cassar, J. Grioli, L. Micallef (S. Cipriott 90’), E. Bilbao Zarate, D. Grima (R. Darmanin 83’), S. Bezzina, L. Sciberras (S. Arab 78’), C. Brincat, T. Agius, E. Serrano Valero, I. Guobadia

FK Zeljeznicar: M. Antolovic, J. Kvesic, A. Kosoric, J. Blagojevic, O. Djelmic, I. Livaja, J. Bogdanovic, Z. Kokot (S. Diatta 83’), R. Bajic, A. Hadziahmetovic (E. Sadikovic 75’), D. Beganovic (D. Sadikovic 59’)

Imwissija: T. Agius, J. Grioli, C. Brincat, E. Serrano Valero, E. Bilbao Zarate (B), D. Sadikovic (Z)

Skurjaw: R. Bajic 4’,13’ (Z)

Referee: Denis Antamo (FIN)

Balzan bdew l-ewwel esperjenza tagħhom fil-UEFA Europa League b’telfa ta’ 2-0 kontra t-tim mill-Bożnija FK Zeljeznicar. Il-wirja tal-Maltin kienet sodisfaċenti iżda batew mill-fatt li ma kellhomx attakant pur fil-formazzjoni inizjali u b’hekk sabuha diffiċli biex jippenetraw id-difiża avversarja.

Il-kowċ ta’ Balzan Oliver Spiteri ma setax jilgħab bl-aħjar skwadra minħabba numru ta’ plejers indisponibli. L-akkwist il-ġdid Ryan Fenech kien sospiż minħabba li tkeċċa fl-aħħar partita fl-istaġun li għadda ma’ Valletta, l-attakant Taljan Gianmarco Piccioni jinsab bi prova ma’ tim mill-Polonja filwaqt li Bojan Kaljevic hu mweġġa’. Dan minbarra li ż-żewġ plejers ġodda n-Niġerjan Godwin Mensha u l-attakant Aleksandar Vujacic ma kinux reġistrati fil-ħin.

Zeljeznicar marru fil-vantaġġ wara biss erba’ minuti meta Clive Brincat waqqa’ lil Jasmin Bogdanovic bir-referee Fillandiż Denis Antamo jordna penalty. Mill-11-il metru RIJAD BAJIC ma żbaljax. Huma irduppjaw fit-13-il minuta meta kien l-istess RIJAD BAJIC li irċieva ballun tajjeb fil-kaxxa u b’xutt għar-rokna għeleb lil Cassar.

Ir-reazzjoni ta’ Balzan ma waslitx biex l-avversarji komplew jikkontrollaw il-logħba b’Balzan jippruvaw joperaw bil-kontrattakk.

Fit-tieni taqsima Balzan qasmu aktar l-logħob tant li ftit taw spazji lill-avversarji bil-Bożnijaċi dehru kuntenti biż-żewġ gowls vantaġġ u ftit għamlu pressjoni jżidu gowl ieħor bl-unika xutt fil-lasta jasal fid-90 minuta minn Sadikovic iżda Cassar kien pront u dawwar f’korner. Balzan pruvaw jkunu perikolużi bi free-kicks minn Grioli u Grima iżda ma nkadrawx il-lasta.