Sport

B’Kara kontra Ulisses f’Kordin u Valletta kontra Newtown

EUROPA LEAGUE – I RAWND TA’ KWALIFIKAZZJONI GĦALL-EUROPA LEAGUE

Wara l-impenn ta’ Balzan fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Europa League nhar it-Tlieta li għadda, għada jidħlu fl-azzjoni żewġ klabbs oħra Maltin fl-azzjoni fl-istess fażi hekk kif Birkirkara jilagħbu f’pajjiżna kontra Ulisses tal-Armenja u Valletta jilagħbu barra minn darhom f’Wales kontra Newtown. Il-partita ta’ Valletta tibda fit-8.15pm u dik ta’ B’Kara tibda fid-8.45pm.

Wieħed jista’ jgħid li fuq il-karta Valletta ma tantx għandhom konfront daqstant diffiċli, speċjalment meta wieħed iqis il-fatt li din se tkun biss it-tielet darba li Newtown se jkunu qed jilagħbu f’kompetizzjoni tal-UEFA. Minbarra li ġew eliminati fid-drabi preċedenti huma kienu anke sfaw umiljati għax l-aventura tagħhom intemmet b’telfiet kbar kontra Skonto Riga (7-1 agg) u kontra Wisla Krawkow (7-1).

Il-Beltin se jkunu qed jaffrontaw tim minn Wales għat-tieni darba fl-istorja tagħhom wara li fl-1999 kienu eliminaw lil Barry Town meta rebħulhom 3-2 f’Ta’ Qali wara li l-ewwel leg kienet intemmet 0-0.
Staġun ilu Newtown spiċċaw fis-sitt post taċ-Championship Pool ta’ Wales filwaqt li ħarġu telliefa fil-finali tat-tazza domestika.

Solvuta l-problema tal-visa

Jum ilu Valletta ħadu l-aħbar tajba li solvew anke l-problema li kellhom bil-visa ta’ xi plejers barranin tagħhom li ma kienux se jitħallew jilagħbu f’Wales. It-Tuneżin Abdelkarim Nafti, in-Niġerjan Umeh Calictus, Thierry Tazemeta mill-Equatorial Guinea u Maxim Focsa mill-Moldova ma kienux se jkunu disponibbli minħabba li ma nħarġitilhomx il-visa imma grazzi għall-intervent tal-MFA u tad-diriġenti tal-klabb tagħhom. L- Erbgħa l-membru tal-kumitat David Xuereb lill-erba’ plejers fl-ambaxxata f’Pariġi sakemm dawn ingħataw il-visa.

Il-kowċ il-ġdid tal-klabb Paul Zammit, li se jkun qed jibda uffiċjalment it-tieni avventura tiegħu mal-klabb Belti wara li ingħaqad magħhom mingħand B’Kara, kien se jkollu problema kbira li kieku dawn ma ingħatawx il-visa għax ta’ min jiftakar ukoll li Valletta f’Wales se jkunu mingħajr Jonathan Caruana, Roderick Briffa (sospiżi) u Shaun Bajada. Jista’ jagħti l-każ ukoll li Valletta se jkunu mingħajr Steve Borg li jinsab qrib li jingħaqad ma’ klabb f’Ċipru.

B’Kara kontra avversarji Armeni

Għada ukoll B’Kara jibdew uffiċjalment l-avventura tagħhom f’din il-kompetizzjoni u jibdew anke l-ħajja taħt il-kowċ il-ġdid Giovanni Tedesco li telaq lil Floriana u ħa post Paul Zammit. Ir-rebbieħa tat-Trophy se jkunu l-ewwel klabb fl-istorja tal-futbol Malti li se jkun qed jilgħab kontra avversarji mill-Armenja f’kompetizzjoni Ewropea. Il-klabb ilu biss imwaqqaf 15-il sena u rebaħ għall-ewwel darba l-kampjonat fl-2011. Staġun ilu Ulisses spiċċaw it-tieni u fit-tazza domestika sfaw eliminati fil-fażi tal-kwarti finali.

Għal Ulisses, din se tkun ir-raba’ darba li se jkunu qed jilagħbu f’kompetizzjoni tal-UEFA u fit-tliet darbiet preċedenti dejjem ġew eliminati fl-ewwel fażi.

Intant jum qabel il-partita, B’Kara ħabbru li akkwistaw lill-attakkant mill-Bożnija Edin Murga. Murga, li għandu anke passaport Taljan għad għandu 20 sena u ironikament beda l-karriera ma’ FK Zeljeznicar, it-tim li lagħbu kontrih Balzan nhar it-Tlieta li għadda. Staġun ilu Murga kien qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni tad-Danimarka ma’ Vendsyssel FF. Murga, flimkien ma’ akkwisti ġodda li għamlu B’Kara matul dan is-sajf fosthom Vito Plut u Fabrizio Miccoli jista’ jiddebutta llum fil-partita kontra Ulisses.
Tedesco ammetta l-emozzjoni tiegħu għad-debutt ma’ B’Kara f’kompetizzjoni daqstant importanti.
Stqarr ukoll li għalkemm il-kundizzjoni fi fiżika tat-tim mhux eċċellenti wara biss ftit jiem taħriġ, sar jaf dak kollu li seta’ fuq l-avversarji u jittama għal riżultat tajjeb.

Neqsin żgur se jkunu Ledesma, Ryan Scicluna, u Shola Shodiya li huma imweġġgħin u Edward Herrera għal raġunijiet familjari.