L-eks-Ministru fl-amministrazzjoni preċedenti Austin Gatt ċaħad li qatt xi darba tkellem ma’ xi persuni dwar l-għoti ta’ tenders fiż-żmien kollu kemm dam ministru, wisq inqas man-negozjant George Farrugia, li kien ingħata maħfra presidenzjali biex jikxef informazzjoni dwar l-allegat każ ta’ korruzzjoni fl-għot ta’ tenders dwar ix-xiri taż-żejt mill-enemalta.
Austin Gatt kien qed jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija.
Austin Gatt qal li kieku kellu l-inqas ħjiel ta’ xi irreglarita’ fl-għoti tat-tenders, mhux biss fil-każ tal-Enemalta, jew inkella li kieku kellu xi ħjiel dwar xi kummissjonijiet biex jintrebħu xi tenders, hu kien jirreferi l-każ b’mod immedjat lill-Kummissarju tal-Pulizija . Austin Gatt qal li filfatt, kien hemm każijiet fejn informa lill-Pulizija dwar xi każ li dwarhom inħarġu akkużi kriminali.
Fix-xhieda tiegħu, Austin Gatt qal li l-ewwel darba li sema bl-allegat każ ta’ korruzzjoni kien meta bdew jiġu ppubblikati rapporti fil-gazzetti fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Dwar dan, Gatt qal li dan juri biċ-ċar li kien hemm min kien jaf bl-allegat każ ta’ korruzzjoni iżda għażel li ma jagħmel xejn dwaru u minflok jikxef l-informazzjoni qabel l-elezzjoni.
Austin Gatt qal li hu dejjem irrifjuta li jitkellem mhux biss man-negozjant George Farrugia dwar tenders, iżda anke ma’ kwalunkwe persuna oħra. Saħaq li mhux talli hekk, talli kien hemm ordni stretta li kull min kien jaħdem fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu ma kellux jitkellem ma’ xi ħadd dwar l-għoti ta’ tenders.
Waqt li kien qed jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, presedut mix-Shadow Minister Nazzjonalista Jason Azzopardi, u ra wkoll is-sehem tal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, l-Ministru Owen Bonnici, l-Ministru Edward Zammit Lewis u d-Deputat Laburista Deborah Schembri, l-eks Ministru Austin Gatt ġie mistoqsi wkoll dwar donazzjonijiet li rċieva mingħand in-negozjant George Farrugia.
Dwar dan, Austin Gatt għamilha ċara li d-donazzjoni ta’ €2,000 ma kienitx ġejja mingħand George Farrugia, iżda mingħand il-familja Farrugia kollettivament. Qal li dak iż-żmien ma kienx jaf bid-donazzjoni għax kien jistruttura t-tmexxija tal-kampanja elettorali tiegħu b’mod li tkun f’idejn il-voluntiera, b’mod li ftit li xejn kellu x’jaqsam mal-organizazzjoni tal-kampanja.
F’dan id-dawl, l-eks Ministru qal li l-familja Farrugia kienet tat lill-kampanja tiegħu l-użu ta’ sala fil-Ħamrun sabiex isiru xi riċevimenti kif ukoll l-użu ta’ karozzi sabiex jinġarru l-votanti sal-post tal-votazzjoni.
Waqt is-smigħ quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, Austin Gatt rrepeta kemm-il darba li d-donazzjoni kienet ingħatat lil membru mit-tim tal-kampanja elettorali tiegħu, u mhux direttament lilu, filwaqt li tenna li jaf li l-familja Farrugia tat ukoll donazzjonijiet lil kandidati oħra taż-żewġ partiti politiċi u anke lill-Partit Laburista, b’irċevuti li juru donazzjonijiet li l-familja Farrugia tat lill-Partit Laburista.
Saħaq li ma jistax ikun li persuna tiġi ttimbrata kull darba li tati xi donazzjoni lil xi kandidat jew partit bħala persuna li tkun qed tipprova tikkorrompi lil xi ħadd, għax inkella l-partiti politiċi jistgħu jagħlqu l-bibien tagħhom.
Mistoqsi meta sar jaf bl-għoti tad-donazzjoni ta’ €2,000 mingħand il-familja Farrugia, Austin Gatt qal li hu sar jaf l-ewwel darba meta xheda n-negozjant George Farrugia stess.
Saħaq li kien joqgħod ‘il bogħod minn donazzjonijiet sabiex ma jiġix influwenzat mill-persuni li jagħmluhom, bl-eks Ministru jisħaq li l-metodu ta’ kontroll tiegħu kien dak li ma jkollu x’jaqsam xejn mad-donazzjonijiet li jidħlu.
B’hekk, kompla Austin Gatt, ma seta’ qatt jiġi influwenzat fid-deċiżjonijiet politiċi tiegħu b’donazzjonijiet li ma kienx jaf li saru.
Għal iktar minn darba, fix-xhieda tiegħu, Austin Gatt saħaq li kien jirrifjuta li jitkellem ma’ kulħadd dwar tenders. Hawnekk saħaq li ma kienx jieqaf f’nofs diskors dwar tenders, iżda qatt ma tkellem ma’ ħadd dwar tenders.
Mistoqsi mid-Deputati tal-Gvern fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jekk qattx tkellem ma’ George Farrugia, jew inkella jekk qatt marrux għand xulxin, Austin Gatt qal li hu mar għand George Farrugia darba waħda biss fi ħmistax-il sena. Saħaq ukoll li ma jiftakarx jekk qatt marx jiekol ma’ George Farrugia.
Meta mistoqsi mill-Ministru Owen Bonnici kif ma jiftakarx jekk qatt marx jiekol ma’ persuna prominenti u b’portata bħan-negozjant George Farrugia, Austin Gatt wieġeb li Farrugia kien bniedem kwalunkwe’ u ma kienx bniedem speċjali jew differenti min-negozjanti oħra filwaqt li saħaq li ma kien hemm ebda raġuni għalfejn George Farrugia jiġi trattat b’mod speċjali.
Mistoqsi jekk Farrugia qatt marx ikellmu fil-bini tal-Ministeru tiegħu, Gatt qal li kien mar ikellmu flimkien ma’ Beppe Hili u ma investitur minn Dubai dwar kwistjoni li kienet referuta għandu mill-Uffiċju tal-Prim Ministru.
Dwar x’kien jingħad fil-konversazzjonijiet li kien ikollu ma’ George Farrugia, Austin Gatt qal li Farrugia kien dejjem jitkellem fuq l-importanza li jkollu ‘storage’ ta’ żejt. Dan peress li f’Malta kienet teżisti l-problema li kienet l-Enemalta biss li kella storage taż-żejt, u ditti privati, anke dawk li jinnegozjaw fiż-żejt b’mod offshore, kellhom bżonn storage ta’ żejt għaliex dan kien jagħmel differenza kbira fin-negozju tagħhom.
Waqt ix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Austin Gatt tkellem dwar numru ta’ kwistjonijit oħra marbuta ma’ dan il-każ, fosthom il-proklama li ngħatat lil George Farrugia.
Dwar din il-proklama, Gatt saħaq li hu kien preżenti għal-laqgħa tal-Kabinett li matulha ttieħdet id-deċiżjoni li Farrugia kellu jingħata l-proklama filwaqt li qal li kien qabel li tingħata l-proklama għall-ebda raġuni oħra ħlief dik li kien ġie konvint mill-Kummissarju tal-Pulizija li kien argumenta li mingħajr il-proklama, il-Pulizija ma kienx se jkollha provi biżżejjed biex imexxu kontra persuni oħra potenzjalment involuti fl-allegat każ ta’ korruzzjoni. Austin Gatt qal li dak li kien qal il-Kummissarju John Rizzo kien anke ġie kkonfermat mill-Avukat Ġenerali u dan kien wassal biex hu personalment jaqbel mal-għoti tal-proklama.
Dwar l-appuntament tal-qarib mill-bogħod tiegħu Tancred Tabone bħala chairman tal-Enemalta, l-eks Ministru qal li Tabone nħatar mill-Kabinett fuq suġġeriment tiegħu mhux għax kien jiġi terz kuġin tiegħu, iżda għaliex kellu biżżejjed kwalifiċi u esperjenzi f’dan il-qasam.
Fost l-oħrajn, Austin Gatt semma kif Tancred Tabone rnexxielu jibni negozju b’saħħtu mix-xejn u kien anke’ l-President tal-GRTU, President tal-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
//= $special ?>