Lokali

Filmat: Tgergir qawwi u rabja għall-kaos fis-servizz tat-trasport pubbliku

Il-kaos fis-servizz tat-trasport pubbliku offrut mill-kumpanija li waqqaf il-Gvern ‘Malta Public Transport’ dalgħodu kien fiċ-ċentru ta’ tgergir qawwi u rabja kbira minn mijiet u eluf ta’ Maltin li sabu ruħhom f’nofs id-diżorganizazzjoni b’rabta mas-sistema ġdida ta’ ħlas għall-użu tat-trasport pubbliku.

MaltaRightNow.com ħa l-kummenti ta’ numru ta’ persuni li t-Tlieta filgħodu marru jikkjuwjaw quddiem il-kjosk tal-Malta Public Transport fit-terminus tal-Belt, biex jipprovaw jittoppjaw il-card jew inkella sabiex jakkwistaw il-tallinja card.

Dan hekk kif ilbieraħ sar magħruf li min kien għadu ma rċeviex il-tallinja card tiegħu mil-lum kien se jkollu jħallas €2 għal kull vjaġġ. Dan apparti ilmenti li rċieva MaltaRightNow.com illum fejn diversi persuni qalulna li anke min kellu tallinja card spiċċa jħallas żewġ ewro għal kull vjaġġ peress li dawn il-cards ma bdewx jaħdmu fuq ix-xarabanks.

Irċevejna numru ta’ ilmenti oħra b’rabta mal-fatt li mijiet ta’ persuni qattgħu sigħat twal jistennew f’kjuwijiet twal fit-terminus tal-Belt biex jittoppjaw il-cards tagħhom. Dan apprti rapporti ta’ cards li ntbgħatu mingħajr id-dettalji tal-persuni kkonċernati.

Ara l-kummenti tan-nies fil-filmat t’hawn fuq.