Pulizija u membri tar-Rapid Intervention Unit kellhom jissejjħu fit-terminus tal-Belt wara ġlieda li nqalgħet b’rabta mal-kjuwijiet li nġabru hekk kif dalgħodu spikka l-kaos fis-servizz tat-trasport pubbliku.
Hekk kif dalgħodu kellha tidħol fis-seħħ sistema ġdida ta’ ħlas fit-trasport pubbliku, numru ta’ persuni sal-bieraħ kienu għadhom ma rċevewx il-tallinja card tagħhom, bil-konsegwenza li dalgħodu kellhom jikkjuwjaw fit-terminus tal-Belt biex jittoppjaw jew jingħataw il-card tagħhom.
MaltaRightNow kien fil-post meta seħħet ġlieda bejn Maltija u Ungeriż ta’ karnaġġjon skura. Jirriżulta li r-raġel kien qed jipprova jorganizza l-kju diżorganizzat li nġemgħa quddiem il-kjosk minħabba li ma kienx hemm preżenza biżżejjed ta’ securities.
Jirriżulta li l-mara ma kinitx qed tieħu gost li persuna ta’ karnaġġjon skura kien qed jipprova jorganizza l-kju, tant li tagħtu daqqa ta’ ħarta u beżqitlu f’wiċċu. Ir-raġel irritalja, bil-konsegwenza li fil-post kellhom jissejjħu l-Pulizija ħalli jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Malli waslu fil-post, il-Pulizija arrestaw minnufih lill-Ungeriż, iżda wara intervent ta’ xhieda li kienu qed isegwu kollox, il-Pulizija ħelsuh u bdew tfittxija għall-Maltija.
Sadanittant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kkundanna l-abbuż minn membru tal-pubbliku u l-allegata forza minn membri tal-Korp tal-Pulizija fil-konfront tal-Ungeriż.
Il-Partit Nazzjonalista qal li ma jaċċetta qatt li r-razza jew il-kulur tal-ġilda għandhom jintużaw bħala pretest għall-vjolenza jew id-diskriminazzjoni, filwaqt li ħeġġeġ lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jikkonkludi kemm jista’ jkun malajr l-investigazzjoni ħalli toħroġ il-verità kollha u jittieħdu l-proċeduri kontra min hu ħati ta’ abbuż.
Barra minhekk, fuq Facebook, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ikkundanna dan l-inċident u qal li dak li seħħ fil-Belt hu tal-mistħija. Simon Busuttil qal li r-razziżmu m’għandux ikun aċċettat, wisq anqas l-użu ta’ forza eċċessiva mill-Pulizija.
U min-naħa tiegħu, il-Gvern ħabbar li l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga internament l-aġir tal-membri tal-Korp waqt l-arrest tal-Ungeriż.
//= $special ?>