Lokali Parlament

Il-Gvern ma jweġibx għall-aġir politiku fil-każ tat-tifel ta’ 17-il sena

Il-Ministru Cardona ma żammx ma’ wegħda li jagħti lista tal-persuni li ċ-Chief of Staff tiegħu impjega mal-Gvern mill-elezzjoni ‘l hawn

Il-Gvern ma ta ebda spjega fil-Parlament għall-aġir politiku tiegħu li kumpanija li waqqaf hu stess, iżżomm l-ishma kollha hi iżda tagħti share wieħed lil individwu li jagħżel hu stess, lil tifel ta’ 17-il sena.

Il-każ tal-kumpanija Fort Securities Services reġa’ tqajjem illejla fil-Parlament, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jistaqsa lis-Segretarju Parlamentari Josè Herrera, iwieġeb u jgħid fil-ġudizzju tiegħu, fin-nuqqas tal-Ministru Chris Cardona li ma kienx preżenti fil-Kamra, jekk jaqbilx ma’ din il-politika u l-prassi tal-Gvern.

Minflok ma wieġeb għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni, is-Segretarju Parlamenti fil-Ministeru ta’ Chris Cardona ddeskriva l-kritika tal-Oppożizzjoni bħala “a storm in a tea cup” għaliex skont hu, kieku lil din il-persuna ngħatalha akar ishma, kienet tkun storja differenti.

Għall-mod li bih wieġeb il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni s-Segretarju Parlamentari Josè Herrera, Simon Busuttil insista li l-Oppożizzjoni tistenna tweġibiet dwar jekk jaqbilx li din hi prassi tajba tal-Gvern li uża fit-twaqqif tal-kumpanija Fort Securities Services, u mhux jagħti pariri legali.

Simon Busuttil irrimarka wkoll li l-ishma fil-kumpaniji u entitajiet tal-gvern huma tal-pubbliku u mhux tal-Gvern, u għaldaqstant il-Gvern għandu jwieġeb u jagħti spjegazzjoni fil-każ tas-sehem li ta lil tifel ta’ 17-il sena.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami rrimarka wkoll fil-Parlament li l-Ministru Cardona ma żammx mal-wegħda li għamel ilbieraħ fil-Parlament stess li f’24 siegħa lest li jagħti lista tal-persuni li ċ-Chief of Staff tiegħu impjega mal-Gvern mill-elezzjoni ‘l hawn.

Il-Ministru Owen Bonnici ddefendi fil-Parlament lill-Minstru Cardona u qal li l-wegħda li jagħti l-informazzjoni fis-sedua li jmiss, kienet biss jekk titressaq domanda bil-mitkub.

Id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia informa lill-Parlament li l-Ministru Cardona ma kienx preżenti fil-Kamra waqt il-ħin tal-mistoqsijiet minħabba laqgħa li kellu f’Kastilja flimkien ma’ Ministri oħrajn tal-Gvern.