Lokali

Il-prezzijiet għolja għall-anzjani hu “serq” – turist regolari jgħid tiegħu fuq Facebook

Il-kaos fit-trasport pubbliku u l-prezzijiet għolja skont is-sistema l-ġdida qed iwasslu għat-tgergir fost il-Maltin, iżda fuq kollox anke fost it-turisti li jżuruna.

Fost oħrajn, Peter White, turist minn Londra li jżur Malta regolarment, kiteb fuq Facebook li ż-żidiet qawwija fin-nollijiet tat-trasport pubbliku se jwasslu biex ħafna turisti jaħsbuha jagħżlux pajjiż ieħor.

White spjega li minn €6.50 għal biljett ta’ ġimgħa kif kien iħallas qabel, issa se jkollu jħallas €21 għall-istess servizz ta’ ġimgħa. “Dan serq”, sostna t-turist Ingliż.

Ikkonfrontat minn Malti, Peter White qal li fir-Renju Unit, bħala pensjonant juża’ t-trasport pubbliku b’xejn u, għalkemm ma jippretendix li s-servizz f’Malta jkun b’xejn, sostna li ma jaqbilx maż-żidiet eżaġerati tal-lum.

Il-Malti, li saħansitra spiċċa jgħajjar lil White “miġnun”, ipprova jiġġustifika ż-żidiet fin-nollijiet tal-anzjani mas-servizz fir-Renju Unit li jabbina tliet żoni differenti tal-kapitali Ingliża.