COPA AMERICA: L-Arġentina umiljaw lill-Paragwaj meta rebħulhom 6-1 biex ibbukkjaw post fil-finali tal-Copa America li se tintlagħab nhar is-Sibt li ġej. L-Arġentina se jkunu qed jilagħbu kontra l-pajjiż li qed jorganizza t-turnament, jiġifieri ċ-Ċile u se jkunu qed jittamaw li tal-anqas jikkonslaw b;din it-tazza wara li sena ilu tilfu l-finali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ġermanja.
Huma jinsabu biċ-ċans li jirbħu titlu maġġuri għall-ewwel darba sa mill-1993 filwaqt li minn naħa tagħhom iċ-Ċile se jkunu qed jippruvaw jirbħu dan it-titlu għall-ewwel darba. L-attakkant Arġentin Lionel Messi kellu wirja mill-aqwa u minkejja li ma skurja l-ebda gowls ipprovda tlieta minnhom u kellu sehem kbir fi tnejn oħra.
L-Arġentina ħarġu mall-ewwel fuq l-attakk u wara kwarta logħob marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ free kick mogħti minn Messi, il-ballun spiċċa f’saqajn ROJO li bl-aktar mod faċli skurja mill-viċin biex fetaħ l-iskor. Tmien minuti wara l-Arġentina setgħu għamluhom tnejn imma l-gowlkiper Justo Villar salva tajjeb fuq Pastore. Madankollu fis-27 minuta l-istess PASTORE din id-darba ma żbaljax wara li irċieva mingħand Messi u skurja b’xutt fil-baxx għal skor ta’ 2-0.
Kien hawn fejn waslet reazzjoni tal-Paragwaj meta Valdez għadda lejn BARRIOS bir-ras u dan tal-aħħar skurja b’xutt minn barra l-kaxxa biex naqqas id-distakk.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-Arġentina qatlu kull tama ta’ rimonta lill-avversarji meta Pastore għadda lejn DI MARIA li skurja b’xutt fil-baxx. Ftit minuti wara reġa’ kien DI MARIA li skurja minn rebound wara li Pastore ra x-xutt tiegħu salvat.
10 minuti mit-tmiem kien l-attakkant ta’ Manchester City Sergio AGUERO li skurja b’daqqa ta’ ras filwaqt li HIGUAIN issiġilla l-logħba b’gowl ieħor għal skr finali ta’ 6-1.
//= $special ?>

