L-eks-Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit li bħalissa jinsab fl-aħbarijiet b’rabta mal-iskandlu Gaffarena jidher li ma kienx korrett u rett mhux biss mal-uniformi li kien jilbes kif ukoll mal-ġurament ta’ lealtà li ħa lejn il-Korp tal-Pulizija, imma anke fir-rigward ta’ dawk meqjusa bħala l-eqreb tiegħu – jiġifieri dik li sa ftit tas-snin ilu kienet il-mara tiegħu – Gabrielle Buttigieg – kif ukoll il-qraba tagħha, b’mod partikulari missierha l-Professur George Buttigieg.
Dan l-eks-Spettur tal-Pulizija, li jiġi iben l-eks-Aġent Kummissarju Ray Zammit, bħalissa qed jiddomina l-aħbarijiet mhux biss għall-mod kif f’temp ta’ erbat ijiem ħareġ boarded out mill-Korp tal-Pulizija u immedjatament wara ngħata impjieg b’salarju ta’ €60,000 mal-Korporazzjoni Enemalta, iżda saħansitra għall-involviment tiegħu f’negozju mal-familja Gaffarena proprju waqt li kien għadu fil-Korp tal-Pulizija, u – fost l-oħrajn – waqt li suppost kien qiegħed jinvestiga delitt li fih l-akkużat hu r-raġel tat-tifla tal-istess Joe Gaffarena.
F’intervista esklussiva mal-ġurnal ‘In-Nazzjon’, Gabrielle Buttigieg bdiet biex qalet li hi m’għandha l-ebda problema li titkellem dwar id-diversi rapporti li qed jidhru fil-media dwar l-allegat involviment tagħha fil-kumpaniji St. Gabriel Residential Homes Limited u fi Diabolik Entertainment Limited.
Hi qalet li tixtieq tiċċara li hi kienet biss indikata bħala Company Secretary tal-imsemmija kumpaniji u qatt ma kienet involuta fin-negozju tagħhom. Waqt li żiedet li bħala avukat, bl-istess mod hi qatt ma tat l-ebda parir legali dwar l-imsemmijin kumpaniji, jew dwar in-negozju tagħhom.
“Kien l-eks-Spettur Daniel Zammit, li kont miżżewġa lilu dak iż-żmien u li llum jien ili legalment separata minnu mill-2013 u de facto mill-2012, li kien indikani bħala Company Secretary tal-imsemmija żewġ kumpaniji. Il-fatt li jien inzertajt nipprattika l-professjoni ta’ avukat hu biss aċċidentali, billi jien kont issemmejt bħala Company Secretary mill-eks-Spettur Daniel Zammit mhux fil-vesti tiegħi ta’ avukat, iżda għax dak iż-żmien kont miżżewġa lilu,” enfasizzat Gabrielle Buttigieg.
Hi kompliet li fiż-żmien meta l-imsemmija żewġ kumpaniji kienu ġew iffurmati, Daniel Zammit kien qalilha – lilha u lill-membri tal-familja tagħha – li hu kien ġab l-approvazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien biex jiftaħ l-imsemmija żewġ kumpaniji u “aħna ma kellniex għal xiex niddubitaw minn dak li kien qalilna, minħabba r-relazzjoni familjari li kien hemm bejnietna dak iż-żmien. Illum naf li dan mhux il-każ…dakinhar daħak bina. Dakinhar lagħabna u ingannana.”
Mistoqsija dwar il-kumpanija Diabolik Entertainment Limited, hi spjegat li hi dejjem kienet infurmata li n-negozju tal-istess kumpanija kien jirrigwarda internet gaming, kif jirriżulta mill-Memorandum and Articles of Association tal-istess kumpanija.
“Ftit wara li kien intemm iż-żwieġ tiegħi minn mal-eks-Spettur Daniel Zammit, u bdejna nsiru nafu min kien verament Zammit, kemm jiena, kif ukoll missieri, George Buttigieg, konna rriżenjajna mill-kapaċitajiet rispettivi tagħna fl-imsemmija żewġ kumpaniji.”
“Missieri,” kompliet Gabrielle Buttigieg, “ma setax ineħħi l-ishma li għandu f’St. Gabriel Residential Homes Limited billi ishma f’kumpanija ma jistgħux jiġu mħassra, iżda jistgħu biss jiġu trasferiti u dan neċessarjament jirrikjedi xerrej.
Sfortunatament l-unika persuna lesta li tixtri l-imsemmija ishma kienet l-eks-Spettur Daniel Zammit innifsu. Missieri, minħabba sens ta’ antagoniżmu lejh wara s-separazzjoni tagħna, ma kienx lest li jikkuntentah.”
Hi żiedet li “hu għal daqshekk biss li missieri għadu jidher bħala azzjonist ta’ St. Gabriel Residential Homes Limited. Ċertament, missieri m’għandu l-ebda interess li jibqa’ azzjonist f’kumpanija mal-eks-Spettur Daniel Zammit wara dak kollu li dan kien għaddieni minnu, aktar u aktar issa, wara li ismi u isem il-familja tiegħi qed jiġu mħammġa b’rabta ma’ kwistjonijiet li lanqas konna nafu bihom”.
Gabrielle Buttigieg qalet li bħala stat ta’ fatt “la jiena u lanqas missieri m’aħna involuti b’xi mod mal-eks-Spettur Daniel Zammit jew ma’ kumpaniji li hu involut fihom. Kulma stajna għamilna biex niddiżassoċjaw ruħna minn mal-eks-Spettur Daniel Zammit u l-kumpaniji tiegħu, għamilnieh mill-ewwel u mhux issa għax qed joħorġu dawn l-istejjer.”
Hi ppreċiżat wkoll “li sal-lum l-uffiċċju reġistrat ta’ Diabolik Entertainment Limited għadu muri bħala l-indirizz tal-uffiċċju professjonali tiegħi minkejja li jien kont tlabt ripetutament lill-eks-Spettur Daniel Zammit biex jirreġistra tibdil fl-indirizz tal-kumpanija wara s-separazzjoni tagħna. Din hi ħaġa lil hinn mill-kontroll tiegħi, peress li dan it-tibdil jista’ jsir biss b’deċiżjoni tad-diretturi tal-imsemmija kumpaniji – xi ħaġa li sal-lum baqgħu m’għamlux.”
Mistoqsija dwar il-villa ‘South Lodge’ f’Ħ’Attard, Gabrielle Buttigieg spjegat li “sa minn meta kont għadni miżżewġa lill-eks-Spettur Daniel Zammit, il-flus meħtieġa għax-xogħlijiet li kienu saru, sa dak iż-żmien, fl-istess villa, kont ħriġthom jien personalment, minn flus li qlajt mill-prattika tiegħi bħala avukat u kien hemm ukoll somma ta’ flus li kien silifna missieri biex isiru x-xogħlijiet.”
Hi temmet li “meta sseparajt minn ma’ Daniel Zammit, hu kien intrabat li jħallas dawn il-flus lura lili u lil missieri permezz ta’ kuntratt, liema ħlas sal-lum għadu ma sarx għalkollox… anzi fir-rigward ta’ missieri nista’ niżvela li għadu ma ħax ċenteżmu lura. Jien m’għadni bl-ebda mod involuta fl-istess dar.”
//= $special ?>

