Lokali Parlament

Ministru jivvota kontra l-Gvern bi żball u ieħor ma jivvutax

Ministru tal-Gvern ta’ Muscat bi żball ivvota kontra l-pożizzjoni tal-Gvern u Ministru ieħor ma vvutax ukoll bi żball fil-Parlament meta lbieraħ filgħaxija ttieħed l-ewwel vot bi prova bis-sistema tal-vot elettroniku.

Kellha tkun il-Liġi (fl-istadju tat-Tieni Qari) li biha l-Gvern qiegħed iħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ sentejn oħra u li wkoll mhux se jagħti d-dritt liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-2017, li żanżnet is-sistema tal-vot elettroniku fil-Parlament.

Din hi liġi li l-Oppożizzjoni esprimiet vuċi qawwija li hi kontra dawn l-emendi, li minbarra li qed iħassru l-elezzjonijiet lokali li jmiss ta’ sentejn oħra, it-terminu ta’ kull Kunsill Lokali se jitwal minn erba’ snin għal ħames snin. Dan kien ukoll tibdil sinifikanti li l-Gvern ta’ Muscat qiegħed jimponi mingħajr kunsens. Dan kien l-ewwel darba li qiegħed isir tibdil fis-sistema elettorali ta’ pajjiżna mingħajr ebda kunsens u ftehim bejn Gvern u Oppożizzjoni.

Dwar is-sistema ġdida tal-vot elettroniku, id-Deputat Speaker Ċensu Galea informa lill-Kamra li l-vot elettroniku kien se jsir bi prova fil-voti li ttieħdu lbieraħ, u li jekk ikun hemm riżultat differenti bejn dak elettroniku u s-sistema li ilha tintużat fil-Parlament Malti, jorbot il-vot tradizzjonali – dak li l-Iskrivan tal-Kamra jsejjaħ l-ismijiet kollha tad-Deputati tal-Kamra u jittieħed il-vot skont min ikun preżenti.

Fl-ewwel votazzjoni li saret bis-sistema elettroniku, ir-riżultat kien ta’ 32 favur u 30 kontra filwaqt li r-riżultat tradizzjonali kien ta’ 34 favur u 29 kontra. Ministru tal-gvern ivvota bi żball kontra l-Abbozz ta’ Liġi li ressaq il-Gvern, u Ministru ieħor ma vvutax.

Fit-tieni votazzjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-MEPA għas-sena 2015, ir-riżultat kien ta’ 35 favur u 29 kontra, u dan wara li daħal il-Ministru Joe Mizzi fil-Parlament waqt li nfetħu l-bibien tal-Kamra bejn vot u ieħor – kif inhi l-proċedura tas-sistema tal-votazzjonijiet.

Fil-Parlament, ir-reazzjoni tal-membri parlamentari kienet waħda ta’ daħk u ta’ sorpriża għall-mod kif daħal u kien liebes il-Ministru Joe Mizzi.

Fit-tieni votazzjoni li għalih ivvota l-Ministru Joe Mizzzi, il-Gvern kellu vot aktar favurih.

Id-Deputat Speaker Ċensu Galea rrimarka wara l-votazzjonijiet, li kien hemm żbalji minn uħud mill-membri parlamentari meta vvutaw bis-sistema eltetronika, u li kif kien spjega qabel, ir-riżultat li se jorbot il-voti li ttieħdu kien dak li sar bil-mod tradizzjonali.

L-Oppożizzjoni vvutat kif kellha tivvota bis-sistema elettronika.