L-awtoritajiet qed joffru kumpens ta’ 500,000 dollaru Kanadiż għal informazzjoni li tista’ twassal għall-arrest ta’ min hu responsabbli għal-labar u l-imsiemer li qed jinstabu fil-patata tat-tip Prince Edward Island.
Il-bdiewa fuq Prince Edward Island qed jiddeskrivu dan bħala “terroriżmu tal-ikel” u li ilu għaddej minn Ottubru. Il-labar u l-imsiemer qed jitpoġġew f’kunsinni tal-patata li jkunu għall-bejgħ fil-ħwienet f’tal-anqas erba’ provinċji Kanadiżi.
Dan qed ikollu impatt kbir fuq l-ekonomija lokali fejn it-tkabbir ta’ patata ta’ dan it-tip hu industrija ta’ biljuni ta’ dollari, tant li għadd ta’ Ġappuniżi fix-xhur tas-sajf iżuru din il-gżira Kanadiża proprjament biex jaraw fejn titkabbar din il-patata li ġġib prezzijiet tajbin ħafna.
Hekk kif feġġew l-ewwel każi, il-bejgħ kien paralizzat u issa fi sforz biex tingħeleb il-problema, xi bdiewa xtraw appartat li jsib oġġetti tal-metall. Iżda huma biss 40 minn madwar 250 bidwi li jkabbru din il-patata li xtraw dan l-apparat għaliex jiswa ħafna.
L-assoċjazzjoni tal-bdiewa li jkabbru dan it-tip ta’ patata, filwaqt li esprimew il-frustrazzjoni tagħhom li ħadd ma nqabad s’issa, qalu li kienu se jħallu lill-Pulizija Kanadiża tagħmel xogħolha filwaqt li huma kienu se jikkonċentraw fuq xogħolhom u fuq kif jistgħu jserrħu moħħ in-nies.