Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista se jagħti prijorità ewlenija lis-settur marittimu u lill-Port il-Kbir fil-politika tiegħu.
Waqt żjara fil-Kwartieri tal-Koperattiva tal-Piloti Marittimi Maltin fil-Furjana, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-potenzjal li għandu l-Port il-Kbir fis-settur marittimu. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ifassal politika biex tkompli tidentifika l-potenzjal tal-Port, partikolarment ta’ żoni li għadhom mhumiex żviluppati, iżda li joffru diversi opportunitajiet.
Akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo, Simon Busuttil fakkar li s-settur marittimu kien żviluppat f’pajjiżna minn Gvern Nazzjonalista, mhux biss billi Malta saret l-aktar pajjiż li għandu vapuri rreġistrati mar-Reġistru tiegħu, iżda wkoll bil-bidu tal-industrija tal-cruise liners, li llum saret industrija ewlenija fis-settur turistiku.
Akkumpanjat miċ-Chief Pilot Jesmond Mifsud, il-Kap tal-Oppożizzjoni ttieħed fuq pilot boat madwar il-Port il-Kbir, fejn ingħata informazzjoni dwar diversi operazzjonjiet u attivitajiet kummerċjali li jsiru fid-diversi żoni li jiffurmaw parti mill-Port il-Kbir.
Mal-Piloti, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar l-opportunitajiet li s-settur marittimu joffri fis-settur tax-xogħol u dwar kif il-ħaddiema Maltin għandhom ikunu mħarrġa tajjeb biex jieħdu postijiet tax-xogħol li joffri dan is-settur.
//= $special ?>

