Lokali

Tinħatar inkjesta biex tinvestiga lill-eks Spettur tal-Pulizija

Ġimgħa wara li tħabbru skandli dwar persuni qrib il-Gvern Laburista u qrib Kastilja, il-Gvern ħabbar li nħatret inkjesta preseduta mill-Imħallef Michael Mallia biex jinvestiga l-aġir tal-eks-Spettur tal-Korp tal-Pulizija Daniel Zammit, iben l-eks aġent Kummissarju tal-Pulizija b’rabta mal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-omiċidju ta’ Neville Baldacchino li seħħ f’Diċembru 2008.

Daniel Zammit, huwa l-eks spettur tal-Pulizija li ġie boarded out f’erbat ijiem u ngħata kuntratt ta’ konsulenza ta’ €60,000 ftit tal-jiem wara.

Fi stqarrija l-Oppożizzjoni qalet li tinnota b’sodisfazzjon l-aħbar li se ssir l-inkjesta dwar l-iskandlu ‘Gaffarena-Zammit’, madanakollu, tinnota li l-Prim Ministru dam ġimgħa sħiħa biex jieħu azzjoni dwar skandlu li jinvolvi nies qrib il-Gvern Laburista u qrib Kastilja.

L-Oppożizzjoni qalet li l-Prim Ministru, madanakollu, ma qalx x’se jiġri minn missier Daniel Zammit, Ray Zammit li hu ħatru bħala Kummissarju tal-Pulizija, Direttur tal-Ħabs, u Kap tal-Aġenzija tal-Wardens.

Il-Prim Ministru lanqas ma qal x’se jiġri minn ħu Daniel Zammit, Roderick Zammit, li wara l-elezzjoni, intbagħat f’taqsima mill-aktar sensittiva tal-Korp tal-Pulizija.