Ikompli jikber it-tħassib għal-linja politika li adottat ir-Russja fil-konfront tal-Punent, b’mod partikulari għall-pajjiżi ġirien.
Dan hekk kif sar magħruf li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Russu fetaħ investigazzjoni biex jeżamina jekk l-Unjoni Sovjetika mxietx skont ir-regoli meta fl-1991 kienet għarfet l-indipendenza tal-pajjiżi Baltiċi – il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja.
Diġà hemm tensjoni f’dawn it-tliet pajjiżi minħabba l-mod kif qed iġib ruħu l-President Russu Vladimir Putin fl-Ukrajna u n-nies ta’ dawn il-pajjiżi ilhom imħassbin li dalwaqt kien se jkun imiss lilhom ukoll.
Il-ġimgħa li għaddiet l-Uffiċċju tal-Prosekutur Russu ddikjara li t-trasferiment li kien sar fl-1954 tal-Krimea minn territorju Russu għal wieħed tal-Ukrajna (meta t-tnejn kienu parti mill-Unjoni Sovjetika) kien illegali. F’Marzu tal-2014, ir-Russja ħadet lura l-kontroll tal-Krimea bil-forza.
Issa fl-Estonja u l-Latvja hemm popolazzjoni kbira ta’ Russi li baqgħu hemm wara li sfaxxat l-Unjoni Sovjetika. Fil-Litwanja, l-ammont hu iżgħar.
L-investigazzjoni nfetħet wara talba minn żewġ Membri Parlamentari Russi – Yevgeny Fyodorov u Anton Romanov, mill-Partit tar-Russja Magħquda, l-istess partit ta’ Putin. Huma qed isostnu li l-indipendenza kienet ingħatat minn min ma kellux l-awtorizzazzjoni jagħmel dan.
Dawn it-tliet pajjiżi Baltiċi kienu ssieħbu fl-Unjoni Ewropea u n-NATO fl-2004 u r-Russja dejjem qieset dan bħala sfida ostili għas-sigurtà tagħha.
F’dawn l-aħħar xhur, in-NATO żiedet il-preżenza fil-pajjiżi Baltiċi, b’mod partikulari wara żieda fl-attività militari Russa fl-inħawi.
Tqanqal dubji dwar l-indipendenza tal-pajjiżi Baltiċi
