Fl-ewwel tliet xhur li ilu mwaqqaf l-Uffiċċju KuntattPN, diġà avviċinaw lill-Partit Nazzjonalista 563 persuna b’każi ta’ inġustizzji li sofrew taħt il-Gvern Laburista.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista qed jisma’ dawn il-każi ta’ inġustizzji, filwaqt li tenna l-impenn li kien għamel il-Kap tal-Partit Simon Busuttil li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jindirizza dawn l-inġustizzji meta jingħata l-fiduċja tal-poplu.
Beppe Fenech Adami qal li fost l-aktar postijiet fejn seħħet diskriminazzjoni hemm il-Korp tal-Pulizija, l-Armata u numru ta’ Dipartimenti tal-Gvern. Semma’ każi ta’ diskriminazzjoni politika sempliċiment għax ma jxejrux l-istess bandiera politika tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, il-Kordinatur ta’ KuntattPN Robert Cutajar irringrazzja lill-voluntiera kollha li qed jassistu f’din l-inizjattiva. Id-Deputat Nazzjonalista elenka wkoll entitajiet oħrajn minfejn qed joriġinaw każi ta’ diskriminazzjoni u inġustizzji, fosthom il-MEPA, l-Enemalta, l-ETC u anke s-setturi tas-Saħħa u tal-Anzjani.
Robert Cutajar kompla li hu sodisfatt li anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jisma’ lill-individwi li tkun saritilhom inġustizzja, filwaqt li qed jagħmel dan b’kunfidenzjalità sħiħa. Min-naħa l-oħra, fejn jingħata l-permess, qed iqajjem każi partikolari fil-Parlament.
//= $special ?>