Lokali

Filmat: L-aħħar żviluppi fit-trasport pubbliku … min sejjaħlu “burdell” u min qal lill-Gvern li “ġibtna għarkuptejna”

Ġibtna għarkuptejna. Kien b’dan il-kumment imqanqal li anzjan li dalgħodu kien fit-Terminus tal-Belt indirizza lill-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru kien sfurzat ikun preżenti wara l-kaos tal-aħħar sigħat fil-Venda. Barra minhekk, it-taħwid fit-trasport pubbliku wassal biex il-Ministru ġie ffaċċjat anke minn uħud mix-xufiera, li spjegawlu minn xiex għaddew fl-aħħar sigħat.

Minkejja li l-kumpanija mwaqqfa mill-Gvern, il-Malta Public Transport, żiedet kjosk fiż-żona magħrufa bħala Tal-Biskuttin bil-għan li reġistrazzjonijiet ġodda għall-card isiru hemm, fil-Belt dalgħodu xorta kien hemm kjuwijiet twal ta’ nies jistennew biex jinqdew.

Fost persuni oħrajn li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com kien hemm turist Franċiż li fisser is-sitwazzjoni bħala “burdell” u turist Pollakk li tkellem magħna dwar kif ħadd ma jaf x’qed jiġri u ħadd ma jaf kif suppost taħdem is-sistema.

Sadanittant, u minkejja dan, għaċ-Chairman tal-operatur il-ġdid Felipe Cosmen il-kummenti kienu pożittivi … iżda lanqas il-Ministru Joe mizzi stess ma qabel ma’ din il-verżjoni.