Lokali

Filmat: Xufier iħalli r-rotta biex jieħu żewġ żgħażagħ l-Għassa!

Żagħżugħ ta’ 21 sena li hu student l-Universita’ ta’ Malta spiċċa ttieħed l-għassa ta’ Raħal Ġdid wara li xufier tal-linja ma riedx iħallieh jitla’ fuq ix-xarabank. Dan għaliex kien qed juża’ it-tallinja card ta’ missieru – meta matul il-jum tal-bieraħ kien hemm kaos sħiħ fuq dawn il-cards, u ħafna bdew jużaw anke cards bla isem u bla ritratt.

“Immaġina lil dan it-tifel, flimkien ma’ studenta oħra mill-Fillandja, jispiċċaw l-għassa fuq każ trivjali. Dan hu każ ta’ abbuż, u każ li seta’ ġie evitat”, sostna Stephen Micallef, missier iż-żagħżugħ.

Ħareġ mir-rotta, saq lejn il-pjazza u ħadu l-għassa ta’ Raħal Ġdid fost tgergir min-nies l-oħra li kien hemm fuq tal-linja

Il-missier, li tkellem ma’ MaltaRightNow.com, spjega li l-card ta’ ibnu baqgħet ma waslitx għalkemm applikaw għaliha fl-istess jiem li applikaw għal dik tiegħu u ta’ membri oħra tal-familja. Għaldaqstant, il-missier għażel li jgħin lil ibnu billi ttoppja €10 fil-card tiegħu u għaddiha lil ibnu.

Madankollu, hekk kif iż-żagħżugħ tela’ fuq il-karozza tal-linja, mill-Marsa fi triqu lejn Ħal Tarxien, hu twaqqaf mix-xufier għax ra li l-card mhijiex dik taż-żagħżugħ. Kien ix-xufier stess li ħa liż-żagħżugħ l-għassa ta’ Raħal Ġdid, ħareġ mir-rotta, saq lejn il-pjazza, u rrappurtah hemm.

Immedjatament sar kuntatt mal-missier, li min-naħa tiegħu pprova jagħmel kuntatt mal-Customer Care tal-Malta Public Transport (MPT). Stephen Micallef spjegalna l-frustrazzjoni li baqa’ ma rnexxielux jikkuntattja mal-kumpanija li ħoloq il-Gvern.

Meta fl-aħħar irnexxielu jagħmel kuntatt, il-missier appella lill-Uffiċjal tal-kumpanija biex f’każ simili jagħmlu kuntatt mas-sid tal-card minflok ma jaqbdu u jarrestaw lil dak li jkun. L-argument min-naħa tal-Uffiċjal tal-MPT kien li l-card “hu dokument uffiċjali” u għalhekk ma jistax jingħadda lil xi persuna oħra.

Madankollu, il-verità hi li dan mhuwiex il-każ, għax l-uniċi dokumenti uffiċjali rikonoxxuti mil-Liġi Maltija huma dawk ta’ identità maħruġa mill-Gvern, bħall-Karta tal-Identità, il-Passaport, eċċ. Il-missier argument mal-Uffiċjal tal-kumpanija li, skont il-messaġġi ta’ promozzjoni li qed isiru, ir-ritratt u d-dettalji tal-persuna fuq il-card kellhom jintużaw biss f’każ ta’ xi offerti relatati mas-servizz.

Ma’ MaltaRightNow.com, missier iż-żagħżugħ esprima d-diżappunt tiegħu li ħadd ma skuża ruħu miegħu jew ma’ ibnu dwar dak li seħħ.

Min-naħa l-oħra, iż-żagħżugħ kien se jiltaqa’ ma’ grupp ta’ żgħażgħ minn Youth Exchange. Iżda dawn spiċċaw baqgħu jistennew għalxejn!