Futbol Sport

Ħadd ma jista’ jgħid li jien korrott – Blatter

Il-President tal-FIFA Sepp Blatter attakka lil dawk kollha li qed jallegaw li hu korrott u li matul l-aħħar snin abbuża mill-kariga għolja li għandu fi ħdan il-FIFA. Dan ix-xahar il-FIFA se tlaqqa’ l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tagħha bil-għan li tkun magħżula d-data li fiha se jkun magħżul is-suċċessur ta’ Blatter. Jidher li se tkun is-16 ta’ Diċembru.

Xahrejn ilu Blatter reġa’ kien elett għall-ħames darba konsekuttiva bħala President wara li għeleb l-isfida tal-Princep Ali bin al-Hussein tal-Ġordan imma jiem wara kien ħabbar li se jirreżenja minħabba l-iskandlu li tfaċċa fi ħdan il-FIFA fejn ġie żvelat li diversi uffiċjali irċivew somom kbar ta’ flus biex jivvutaw lil ċerti pajjiżi fl-għażla ta’ min se jorganizza diversi edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.

“In-nies ma jafux x’inhuma meta qed jużaw il-kelma korrott fil-konfront tiegħi. Kull min qed jaukkużani li jien korrott irid l-ewwel ikollu l-provi. Imma ħadd m’hu se jkollu dawn il-provi għax jien mhux korrott,”

qal Blatter.

“Ma niddejjaq xejn jekk xi ħadd jikkritikani għax kultant jaf titgħallem mingħand xi ħadd li jara l-affarijiet minn perspettiva differenti iżda ma naċċettax li jgħidu li jien korrott. Jien għandi kuxjenza nadifa għax kieku ma nkunx kapaċi nitkellem dwar is-suġġett tal-korruzzjoni. L-akkużi kontrija m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-futbol imma huma biss attakk personali,” temm jgħid Blatter.

Talba biex jiġu estraditi

Id-Dipartiment tal-Gustizzja Amerikan u l-FBI, permezz tal-ambaxxata Amerikana fl-Iżvizzera talab lid-Dipartiment tal-Gustizzja fl-Iżvizzera biex is-seba’ uffiċjali li ġew arrestati f’Mejju li għadda jiġu estraditi lejn l-Istati Uniti. Fis-27 ta’ Mejju l-uffiċjali kienu jinsabu fil-lukanda Baur au Lac ġew arrestati fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus mifruxa fuq l-aħħar 20 sena.

L-Istati Uniti kellha ċans 40 jum biex tagħmel din it-talba li fil-fatt għamlet filwaqt li minn naħa tagħhom is-seba’ uffiċjali diġa’ oġġezzjonaw li jkunu estraditi. Dawn qed jistgħu jeħlu sa massimu ta’ 20 sena ħabs għall-atti tagħhom. Fost dawn is-seba’ uffiċjali hemm anke l-Vici President tal-FIFA Jeffrey Webb. Id-deċiżjoni finali dwar jekk dawn l-uffiċjali jiġux estraditi jew le tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin.