Internazzjonali

Ħajja iktar kiefra f’Mosul wara sena taħt l-ISIS

Għaddiet sena minn meta l-ISIS ħasad lid-dinja u daħal fit-tieni l-ikbar belt tal-Iraq, Mosul.

Issa, permezz ta’ filmati miksuba mill-BBC minn taħt, residenti ta’ Mosul qed jixkfu x’jiġifieri li tgħix taħt l-Istat Iżlamiku.

Mill-intervisti joħroġ kif l-ISIS qaleb il-liġijiet kollha tal-pajjiż għal dik tax-Xarija, fejn in-nisa qed jiġu mġiegħla jilbsu l-velu sħiħ tal-burka, u fejn inqerdu wħud mill-iktar monumenti prezzjużi tal-Iraq.

Ir-residenti kkonfermaw ukoll kif qed ikunu mġiegħla jaraw qtil ta’ persuni fil-pubbliku u jridu jimxu mal-liġijiet stretti tal-ISIS inkella jbatu.

Qed joħorġu stejjer li juru kundizzjonijiet ħorox fil-pajjiż, fosthom ta’ mara, Hanaa, li ġiet imwaqqfa mill-al-Ħesbaħ, li huma l-pulizija reliġjużi, li minkejja li kienet liebsa l-burka ġiegħluha tgħatti wkoll idejha b’par ingwanti suwed.

Hanaa rrakkuntat ukoll kif darba minnhom ħarġet mar-raġel tagħha u marru f’ristorant u żewġha qalilha li fl-aħħar setgħet tneħħi l-velu minn fuq wiċċha għax ir-ristorant ma kienx tal-ISIS. Imma sid il-post mar jiġri jitlob lir-raġel jgħid lil martu biex tgħatti wiċċha għax kien qed jibża’ minn vendetta mill-ISIS.

L-Istat Iżlamiku qed jimmarka wkoll djar ta’ Nsara li abbandunawhom, billi jisprejja l-ittra “N” kbira għal “Nasrani” (bl-Għarbi) waqt li qed jippubblika ritratti u filmati ta’ atroċitajiet fosthom ta’ raġel li, għax omosesswali, ġie mitfugħ minn għoli waqt li żewġ adulteri ġew imħaġġra sal-mewt. Moskej tax-Xiiti wkoll ġew ibbumbardjati, fosthom il-moskea ta’ Ġona tal-Antik Testment.